News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
07/10/2025 08:33:00
Il-Munita Maltija ta’ €10 tal-Fidda ‘In-Naħla Maltija’ tirbaħ il-Premju tal-Munita tas-Sena għall-Aqwa Crown Coin tal-2025
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, b'kollaborazzjoni ma' Germania Mint, kburi jħabbar li l‑munita Maltija ta' €10 tal‑fidda tal‑2024 'In-Naħla Maltija' rebħet il‑premju prestiġjuż tal-2025 tal-Munita tas‑Sena (COTY) fil‑kategorija għall-aqwa Crown Coin.

Mix-Xellug: Is-Sinjura Elaine Lenzo, is-Sur Peter Paul Tabone, is-Sur Benoit Waelkens, is-Sur Alexander Demarco, il-Gvernatur Edward Scicluna, is-Sur Szymon Kurowski, is-Sur Oliver Bonello,
is-Sur Joseph Esposito, is-Sur Kevin Cassar
Din il-munita tal-fidda, maħduma b'sengħa, tiċċelebra n-Naħla Maltija, simbolu ta' reżiljenza u wirt nazzjonali, u kienet waħda mill-iktar muniti li spikkat fost 100 munita magħżula minn zekki madwar id-dinja. Għaxar finalisti biss intgħażlu f'kull waħda mill-għaxar kategoriji ta' premjijiet, u dan ir-rikonoxximent jirrappreżenta kisba sinifikanti fid-dinja tan-numiżmatika.

Dan jirrappreżenta t-tieni unur internazzjonali għall-munita tan-Naħla Maltija fl-2025. Aktar kmieni din is-sena, il-munita kienet imsemmija bħala 'L-Isbaħ Munita Ewropea tas-Sena 2024' mill-Assoċjazzjoni Ad€ (Les Amis de l'Euro) taħt il-premjijiet Coupure Européenne de l'Année (CEDA). Il-premju CEDA jonora l-innovazzjoni, l-eċċellenza artistika, u l-kwalità grafika f'muniti, settijiet u karti tal-flus iddenominati f'euro.

Il-premju għall-aqwa Crown Coin ġie ppreżentat waqt ċerimonja uffiċjali li saret f'Awwissu fil-Fiera tal-Flus Dinjija tal-Assoċjazzjoni Numiżmatika Amerikana f'Oklahoma, l-Istati Uniti. Il-Premjijiet COTY jirrikonoxxu eċċellenza globali fid-disinn tal-muniti, il-viżjoni artistika, u s-sengħa. Ir-rebbieħa jintgħażlu minn bord ta' mħallfin internazzjonali.

Ritratti: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta
F'avveniment speċjali li sar il‑Ġimgħa, 3 ta' Ottubru, is‑Sur Szymon Kurowski, Uffiċjal Kap Eżekuttiv u Fundatur ta' Germania Mint ippreżenta formalment il‑premju lill‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Edward Scicluna, waqt ċerimonja li saret fil-Kamra tal‑Bord tal‑Bank. Għal dan l-avveniment attendew ukoll id-Deputat Gvernaturi s-Sur Alexander Demarco u s-Sur Oliver Bonello, Uffiċjal Kap għall-Operat Bankarju s-Sur Benoit Waelkens, is-Sur Kevin Cassar, Kuratur tal-Mużew tal-Flus tal-Bank Ċentrali, u impjegati mill-Malta Coin Centre.
Lura lejn l-Arkivju