News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

29/09/2025 12:26:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Settembru

L‑attività kummerċjali f'livell madwar il-medja, fost inċertezza għolja

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali tela' ftit f'Awwissu u baqa' madwar il-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, indikatur li jkejjel l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, naqas iżda kompla jkun f'livell ogħla mill-medja storika.

F'Awwissu, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea żdied fuq ix-xahar ta' qabel, filwaqt li l-indikatur tal-aspettattivi dwar l-impjiegi naqas. Filwaqt li tal-ewwel kien f'livell ogħla mill-medja storika, tal-aħħar kien aktar baxx.

F'Lulju, il-produzzjoni industrijali u l-kummerċ bl-imnut żdiedu b'ritmu inqas mgħaġġel f'termini annwali. F'Ġunju, il-produzzjoni tas-servizzi kompliet tonqos fuq sena qabel.

Ir-rata tal-qgħad baqgħet f'livell storiku baxx ta' 2.6%.

Il-permessi għal bini residenzjali żdiedu f'Lulju meta mqabbla ma' dawk ta' sena qabel. F'Awwissu, in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu wkoll fuq sena qabel.

F'Lulju, ir‑rata annwali ta' tkabbir fid‑depożiti tar‑residenti Maltin immoderat bi ftit meta mqabbla ma' Ġunju, filwaqt li l‑kreditu mogħti minn istituzzjonijiet monetarji u finanzjarji f'Malta żdied b'ritmu aktar mgħaġġel.

F'Awwissu, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.7%, rata ogħla minn tax-xahar ta' qabel. L‑inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet ukoll fil-livell ta' 2.7%. Iż-żewġ indiċijiet kienu ogħla mill-medja taż-żona tal-euro. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni telgħet għal 2.7% f'Awwissu minn 2.4% f'Lulju.

F'Lulju, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit, b'kuntrast ma' surplus fl-istess xahar tas-sena ta' qabel, minħabba tnaqqis fid-dħul tal-gvern u żieda qawwija fl-infiq tal-gvern.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju