News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

29/08/2025 12:15:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Awwissu

L‑attività kummerċjali tonqos iżda tibqa' 'l fuq mill‑medja

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Lulju kien hemm tnaqqis fl-attività kummerċjali, iżda l-indiċi baqa' f'livell moderatament ogħla mill-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, l-indikatur li jkejjel l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, żdied sew mil-livell ta' Ġunju u kien f'livell ogħla mill-medja storika.

F'Lulju, l-indikatur tas-sentiment ekonomiku kif ukoll l-indikatur tal-aspettattivi dwar l-impjiegi ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea naqas fuq xahar qabel u kien f'livell taħt il-medja storika.

F'Ġunju, il-produzzjoni industrijali u l-kummerċ bl-imnut żdiedu f'termini annwali. F'Mejju, il-produzzjoni tas-servizzi naqset fuq sena qabel għar-raba' darba konsekuttiva.

F'Ġunju, ir-rata tal-qgħad laħqet livell baxx storiku ġdid ta' 2.5%.

Il-permessi għal bini residenzjali żdiedu f'Ġunju meta mqabbla mal-livell ta' sena ilu. F'Lulju, in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu wkoll fuq sena qabel.

F'Ġunju, ir‑rata annwali ta' tkabbir fid‑depożiti tar‑residenti Maltin ma nbidlitx meta mqabbla ma' Mejju, filwaqt li t‑tkabbir fil‑kreditu mogħti minn istituzzjonijiet monetarji u finanzjarji f'Malta żdied marġinalment.

F'Lulju, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 2.5%, l-istess bħal fix-xahar ta' qabel, filwaqt li l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet fil-livell ta' 2.4%. Iż-żewġ indiċijiet kienu ogħla mill-medja taż-żona tal-euro. L‑inflazzjoni skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI) baqgħet l-istess fil-livell ta' 2.4% f'Lulju.

F'Ġunju, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit ikbar minn dak irreġistrat sena qabel minħabba tnaqqis fid-dħul tal-gvern u żieda qawwija fl-infiq tal-gvern.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju