News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
08/07/2025 09:00:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jwissi dwar emails qarrieqa
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jixtieq javża lill‑pubbliku dwar komunikazzjonijiet frodulenti li qed jiġu ċċirkolati permezz tal‑indirizz elettroniku info@malta-centralbank.org u bl‑użu tal‑letterhead tal‑Bank. Dawn il-messaġġi huma mfassla biex iqarrqu lil min jirċevihom biex jemmnu li t-tali messaġġi qegħdin jintbagħtu mill-Bank. Il‑Bank Ċentrali ta' Malta jiddikjara b'mod kategoriku li l-Bank ma jibgħatx ittri jew emails relatati ma' pagamenti li jinvolvu individwi privati.
Il‑Bank iħeġġeġ ħafna lill‑pubbliku biex joqgħod attent meta jirċievi komunikazzjonijiet mhux mitluba, speċjalment dawk li jitolbu dettalji personali jew finanzjarji. Huwa importanti li wieħed jinnota li l‑Bank Ċentrali ta' Malta mhu involut fl‑ebda tranżazzjoni finanzjarja privata ta' dan it‑tip.
Għalhekk huwa rakkomandat li I-pubbliku dejjem jivverifika l-awtentiċità ta' min qiegħed jibgħat l-ittra jew l-email, joqgħod lura milli jikklikkja fuq links jew attachments suspettużi, u jirrapporta immedjatament kwalunkwe attività qarrieqa suspettata lill-awtoritajiet rilevanti. Il-viġilanza u l-għarfien jibqgħu kruċjali fil-protezzjoni kontra prattiċi qarrieqa finanzjarji.
Kull min jirċievi messaġġi suspettużi oħra minn dan is-sors jew sorsi simili huwa mħeġġeġ biex jirrappurtahom direttament lill‑Bank Ċentrali ta' Malta.
Lura lejn l-Arkivju