News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
02/06/2025 09:00:00
Munita tal-fidda li tfakkar is-Sagra Infermerija
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta, b'kollaborazzjoni ma' Dar il‑Mediterran għall‑Konferenzi, ħareġ munita tal‑fidda kommemorattiva fl‑okkażjoni tal‑450 anniversarju mit-twaqqif tal-binja storika tas‑Sagra Infermerija fil‑Belt Valletta.
Għal din it-tnedija attendew id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Dr Ian Borg, l-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, is-Sur Alexander Demarco, il-President ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, Kenneth Spiteri, u kif ukoll l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, Nigel Vella.

Il-President ta' Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC), Dr Kenneth Spiteri, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Dr Ian Borg, l-Aġent Gvernatur għall-Bank Ċentrali ta' Malta,
is-Sur Alexander Demarco
L-Aġent Gvernatur Alexander Demarco qal li, "id-disinn tal-munita jippreżenta l-funzjoni umana tal-binja tas-Sagra Infermerija, li pprovdiet kura medika liċ-ċittadini irrispettivament mill-mezzi finanzjarji jew il-pożizzjoni soċjali tagħhom, u l-użu tagħha llum qed ikompli jagħti benefiċċji lill-umanità."
Filmat: Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI)
Din l-edizzjoni limitata tal-munita tiċċelebra waħda mill‑aktar binjiet ikoniċi ta' Malta kif ukoll mument storiku ta' eċċellenza medika u arkitettonika. Maħduma fir‑Royal Dutch Mint, il‑munita hija maħduma f'0.925 fidda sterlina, tiżen
28.28 g, u għandha dijametru ta' 38.61 mm. Minnha nħadmu biss 450 munita fil-verżjoni proof. Dan biex tiġi enfasizzata l-esklussività ta' din l-edizzjoni.
Fuq in‑naħa ta' quddiem tal‑munita hemm l‑istemma araldika nazzjonali ta' Malta, filwaqt li fuq in‑naħa ta' wara hemm rappreżentazzjoni artistika ta' Gran Mastru tal‑Ordni ta' San Ġwann idewwi lill‑morda - tifkira tal‑funzjoni oriġinali tal‑binja bħala sptar. Il-munita kienet iddisinjata u mnaqqxa mill-artist rinomat Malti Noel Galea Bason.

Is-Sagra Infermerija, li llum il-ġurnata magħrufa bħala Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) fil-Belt Valletta, inbniet fl-1574 taħt it-tmexxija tal-Gran Mastru Jean de la Cassière. Il-binja, li tlestiet fl-1578, kienet magħrufa għas-Sala l-Kbira ta' 155 metru u l-aqwa kura pprovduta fiha. Is-Sagra Infermerija tirrifletti l‑missjoni ospitaliera tal‑Kavallieri ta' San Ġwann u ħaddnet diversi rwoli ċiviċi matul is‑sekli.
Minkejja li saritilha l-ħsara matul it-Tieni Gwerra Dinjija, is-Sagra Infermerija għaddiet minn restawr estensiv li beda fl-1978, meta ġiet ittrasformata f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Ġiet inawgurata uffiċjalment fil-11 ta' Novembru 1979.
Din il-munita kommemorattiva mhux biss tiċċelebra l-wirt storiku u mediku tas-Sagra Infermerija iżda tiċċelebra wkoll is-sinifikat tagħha fuq żmien twil fil-wirt kulturali u arkitettoniku ta' Malta.

Dr Kenneth Spiteri, is-Sur Alexander Demarco, l-Onorevoli Dr Ian Borg, is-Sur Benoit Waelkens,
is-Sur Joseph Esposito u s-Sur Melvin Bugeja
Ritratti: Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI)
Lura lejn l-Arkivju