News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

28/03/2025 09:37:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Marzu

It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali konformi mal-medja storika

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju juri li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali batta bi ftit fi Frar, u b'mod ġenerali jqarreb lejn il-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, l-indikatur li jkejjel l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, żdied mil-livell ta' Jannar għalkemm baqa' taħt il-medja storika.

L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas u kien f'livell taħt il-medja storika. L-Indikatur dwar l-Aspettattivi dwar l-Impjiegi naqas ukoll fi Frar, għalkemm xorta baqa' ogħla mill-medja storika.

F'Jannar, il-produzzjoni industrijali u l-kummerċ bl-imnut żdiedu b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbel ma' Diċembru. F'Diċembru, ir-rata annwali ta' tibdil tal-produzzjoni tas-servizzi nbidlet u saret pożittiva. Ir-rata tal-qgħad baqgħet l-istess mix-xahar ta' qabel, u kienet baxxa minn perspettiva storika, fil-livell ta' 3.0%.

Il-permessi għal binjiet residenzjali f'Jannar kienu ogħla minn dawk tal-istess xahar sena ilu. Fi Frar, l-għadd ta' konvenji għal binjiet residenzjali kien ogħla minn dak ta' sena qabel, filwaqt li l-għadd ta' kuntratti ta' bejgħ baqa' fil-biċċa l-kbira l-istess.

Matul it‑tnax‑il xahar sa Jannar kien hemm tkabbir b'saħħtu fid‑depożiti tar‑residenti Maltin u l‑kreditu mogħti minn istituzzjonijiet monetarji u finanzjarji f'Malta. Fiż-żewġ każijiet kien hemm żieda fir‑rata annwali ta' tibdil meta mqabbla ma' Diċembru.

Fi Frar, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 2.0%, minn 1.8% xahar qabel, filwaqt li l-inflazzjoni HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel baqgħet fil-livell ta' 2.0%. Iż-żewġ rati kienu taħt il-medja taż-żona tal-euro. Skont l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl‑Imnut (RPI), l‑inflazzjoni fi Frar telgħet għal 1.9% minn 1.4% f'Jannar.

F'Jannar, il-Fond Konsolidat irreġistra żieda fid-defiċit meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif kien hemm żieda fl-infiq tal-gvern filwaqt li naqas id-dħul.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju