News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

18/03/2025 09:16:00

Tagħrif annwali dwar il-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro f’Malta

L-għadd ta' karti tal-flus foloz li tneħħew miċ-ċirkolazzjoni żdied matul l-2024. Matul din is-sena ġew ippreżentati total ta' 1,565 karta tal-flus falza fil-Bank Ċentrali. Dan ifisser żieda sostanzjali meta mqabbel mas-snin ta' qabel, meta l-għadd ta' karti tal-flus foloz kien eċċezzjonalment baxx minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Il-proporzjon ta' karti tal-flus tal-euro foloz għadu baxx ħafna meta mqabbel mal-għadd ta' karti tal-flus tal-euro ġenwini fiċ-ċirkolazzjoni f'Malta, li fl-2024 kellu medja ta' ftit aktar minn 32.41 miljun karta tal-flus.

Barra dan, il‑proporzjon ta' karti tal‑flus foloz f'Malta hu baxx (0.28%) meta mqabbel mal‑għadd totali ta' karti tal‑flus foloz maqbuda fiż‑żona tal‑euro, li ammonta għal 554,000 karta tal-flus matul l‑istess perjodu.

Fost il-karti kollha tal-flus tal-euro foloz maqbuda f'Malta matul l-2024, id-denominazzjonijiet tan-nofs jibqgħu l-iktar dawk iffalsifikati. Id-denominazzjoni tal-€20 kellha żieda filwaqt li naqas il-proporzjon tad-denominazzjoni tal-€50. Dawn it-tnejn flimkien kienu jammontaw għal 82% tal-karti tal-flus foloz kollha maqbuda. Il-proporzjon tad-denominazzjonijiet aktar baxxi (€5 u €10) baqa' kostanti, filwaqt li l-perċentwal tad-denominazzjonijiet il-kbar baqa' baxx ħafna.

It-tabella ta' hawn taħt tipprovdi analiżi perċentwali skont id-denominazzjonijiet tal-ammont totali ta' flus foloz irtirati miċ-ċirkolazzjoni matul l-2024, imqabbla ma' dawk irtirati fiż-żona tal-euro.

 

 

€5

€10

€20

€50

€100

€200

€500

Analiżi Perċentwali

Żona tal-Euro

1.3

6.8

36.0

43.6

7.9

3.8

0.6

Malta

 2.3

12.5

65.8

16.2

2.9

0.2

0.1

Minkejja l-livell baxx ta' flus foloz irrapportati lokalment, il-Bank Ċentrali ta' Malta jibqa' jwissi lill-pubbliku biex joqgħod attent meta jħallas u jitħallas bi flus kontanti. Il-biċċa l-kbira tal-karti tal-flus foloz jistgħu jingħarfu faċilment minħabba li m'għandhom l-ebda karatteristiċi ta' sigurtà, jew minħabba imitazzjonijiet fqar ħafna ta' dawn il-karatteristiċi.

Il-karti tal-flus ġenwini jintgħarfu faċilment permezz tat-test "FEEL-LOOK-TILT" kif spjegat fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta. Il-Bank hu disponibbli biex jipprovdi kull tip ta' għajnuna, inkluż taħriġ, lil kwalunkwe entità lokali li tista' teħtieġ din l-assistenza.

Kull min jirċievi karta tal-flus suspettuża għandu jċempel lill-Pulizija fuq (+356) 2294 2120 jew lill-Bank Ċentrali ta' Malta fuq (+356) 2550 6012/13, jew jibgħat e-mail lill-Bank.

Lura lejn l-Arkivju