News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

04/03/2025 10:52:00

Konsultazzjoni dwar it‑tisħiħ tar‑Reġistru Ċentrali tal‑Kreditu tal‑Bank Ċentrali ta' Malta sabiex jinkludi Istituzzjonijiet Finanzjarji Liċenzjati u Korporazzjonijiet Vetturi Finanzjarji Notifikati

Fl‑4 ta' Marzu 2025, il‑Bank Ċentrali ta' Malta nieda konsultazzjoni sabiex jilqa' opinjonijiet minn partijiet interessati dwar il‑possibbiltà li jinkludi fil‑qafas leġiżlattiv tar‑Reġistru Ċentrali tal-Kreditu (CCR jew ir-"Reġistru"):

  • Istituzzjonijiet Finanzjarji (FIs) liċenzjati Maltin li jwettqu attivitajiet ta' self 'materjali' f'termini tal-liċenzja rispettiva tagħhom tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) u 
  • Korporazzjonijiet Vetturi Finanzjarji (FVCs) liċenzjati Maltin, jiġifieri mezzi ta' assigurazzjoni b'assi eżistenti li jagħtu jew jieħdu f'idejhom kreditu 'materjali' lir-residenti. 

L-għan ewlieni ta' dan it-titjib propost huwa li jingħata aċċess għas-CCR lil dawn l-istituzzjonijiet fit-twettiq tal-valutazzjonijiet tar-riskju tal-kreditu tagħhom fuq il-kontropartijiet tagħhom. Min-naħa tagħhom, dawn l-istituzzjonijiet isaħħu wkoll ir-Reġistru bid-data tagħhom dwar kreditu u dwar ir-riskju relatat mal-kreditu għall-benefiċċju tal-kumplament tal-parteċipanti fir-Reġistru.

Ir-rappurtar, l-awditjar u obbligi oħra kif ukoll it-tariffi applikabbli u kundizzjonijiet oħra li jirriżultaw mid-Direttiva Nru 14 tal-Bank Ċentrali ta' Malta dwar ir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu ser isiru vinkolanti għall-parteċipanti ġodda fir-Reġistru. Aktar dettalji dwar dawn l-obbligi jinsabu fid-Direttiva Nru 14 kif ukoll fid-dokument ta' konsultazzjoni.

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta qed jilqa' l-fehmiet tal‑partijiet interessati u jistedinhom sabiex jissottomettu l‑kummenti tagħhom bl-email sa mhux aktar tard minn tmiem il-ġurnata tax-xogħol tat‑28 ta' Marzu 2025.

Lura lejn l-Arkivju