News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

28/02/2025 11:28:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Frar

It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali f'livell ogħla mill-medja storika

L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju tal-Bank jindika li f'Jannar, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali ssaħħaħ u kien kemxejn ogħla mill-medja storika. L‑Indiċi tal-Bank dwar l-Inċertezza Politika Ekonomika, indikatur li jkejjel l‑inċertezza politika ekonomika billi jiġbor informazzjoni minn portals tal‑aħbarijiet Maltin, kien ferm taħt il‑medja storika.

L-indikatur tas-Sentiment Ekonomiku maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea għal Malta żdied iżda baqa' taħt il-medja storika. L-Indikatur dwar l-Aspettattivi dwar l-Impjiegi żdied ukoll matul Jannar u baqa' ogħla mill-medja storika.

F'Diċembru, il-produzzjoni industrijali żdiedet b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbla ma' Novembru, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut żdied b'ritmu aktar mgħaġġel. F'Novembru, il-produzzjoni tas-servizzi naqset meta mqabbla ma' sena ilu. Ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika fil-livell ta' 3.0%.

Il-permessi għal binjiet residenzjali f'Diċembru kienu ogħla minn dawk tal-istess xahar sena ilu. F'Jannar, in-numru ta' konvenji għal binjiet residenzjali kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ naqsu meta mqabblin ma' sena ilu.

Matul it‑tnax‑il xahar sa Diċembru, it‑tkabbir fid‑depożiti tar‑residenti Maltin, u l‑kreditu mogħti minn istituzzjonijiet monetarji u finanzjarji f'Malta żdiedu b'ritmu b'saħħtu. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, ir‑rata annwali ta' tibdil immoderat meta mqabbla ma' Novembru.

F'Jannar, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) baqgħet 1.8%, l-istess bħal xahar qabel, filwaqt li r-rata annwali tal-HICP li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kienet 2.0%. Iż-żewġ rati kienu ferm taħt il-medja taż-żona tal-euro. Skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), l-inflazzjoni f'Jannar telgħet għal 1.4% minn 1.2% f'Diċembru.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju