News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
27/02/2025 14:26:00
Forum annwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta għall‑Istabbiltà Finanzjarja
Illum, il‑Bank Ċentrali ta' Malta organizza l‑Forum annwali għall‑Istabbiltà Finanzjarja f'Binja Laparelli. Dan il-Forum annwali joffri opportunità lil diversi oqsma tas-settur finanzjarju biex flimkien jiddiskutu l-aħħar sfidi u żviluppi li jsawru l-istabbiltà finanzjarja lokali. Il-Forum kien ippresedut minn Alan Cassar, Uffiċjal Kap għall-Istabbiltà Finanzjarja u l-Istatistika.
Fir‑rimarki tal‑ftuħ, Oliver Bonello, Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjarja tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, stqarr li "il‑politika makroprudenzjali għandha rwol kruċjali sabiex tiżgura reżiljenza suffiċjenti tas‑sistema finanzjarja. Dan huwa partikolarment fil-każ ta' Malta, fejn it-trażmissjoni dgħajfa tal-politika monetarja kellha impatt limitat fuq il-moderazzjoni taċ-ċiklu tas-self, b'mod partikolari fir-rigward ta' self lejn is-suq tal-proprjetà fejn dan għadu qed jikber b'ritmu mgħaġġel u qiegħed isostni inflazzjoni għolja f'dan is-suq."

Dr William Gatt Fenech, Maniġer tal-Uffiċċju għar-Riċerka dwar l-Istabbiltà Finanzjarja, tkellem dwar il-kumplessitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-identifikazzjoni ta' livelli differenti ta' riskji fiċ-ċiklu finanzjarju lokali.
Wendy Zammit, Kap tad-Dipartiment għas-Sorveljanza u r-Riċerka dwar l-Istabbiltà Finanzjarja, tkellmet dwar ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet ewlenin għall-istabbiltà finanzjarja. Għamlet distinzjoni bejn ir-riskji li joriġinaw mill-ambjent estern u dawk inerenti għas-sistema, filwaqt li Christine Balzan, Maniġer tad-Dipartiment għall-Politika Makroprudenzjali, l-Immaniġġjar ta' Kriżijiet u Stress Tests, iddiskutiet l-implikazzjonijiet ta' dawn ir-riskji għall-politika makroprudenzjali tal-Bank.

Mix-xellug: Dr William Gatt Fenech, Wendy Zammit, Alan Cassar, id-Deputat Gvernatur Oliver Bonello, Stephen Attard, Christine Balzan, Andrew Spiteri
Waqt il-Forum tkellem ukoll Andrew Spiteri, Maniġer tal-Uffiċċju għas-Sorveljanza tal-Istabbiltà Finanzjarja, fejn ġabar fil-qosor ir-riżultati tal-istħarriġ tal-Bank Ċentrali ta' Malta sabiex jevalwa l-livell ta' ħdura ambjentali fit-titoli u l-portafolli ta' self tal-banek.
Fir-rimarki tal-għeluq, id-Deputat Gvernatur Oliver Bonello rrimarka dwar l-importanza li l-politika makroprudenzjali lokali tinżamm aġġornata biex tissalvagwardja l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Hu rrefera wkoll għall-irwol ċentrali li l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom fit-tmexxija tal-aġenda tagħhom dwar is-sostenibbiltà u kif il-kunsiderazzjonijiet dwar ir-riskji relatati mal-klima għandhom jiġu integrati dejjem aktar fil-mudelli kummerċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

Ritratti: Melvin Bugeja/Bank Ċentrali ta' Malta
Lura lejn l-Arkivju