News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025

03/02/2025 14:15:00

Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l‑iżviluppi ekonomiċi fit-tielet kwart tal-2024

Matul it‑tielet kwart tal‑2024, l‑ekonomija Maltija żammet l‑ogħla rata ta' tkabbir fiż‑żona tal‑euro. It-tkabbir kien xprunat mid-domanda domestika, hekk kif l-esportazzjoni netta kellha effett newtrali b'mod ġenerali. Meta wieħed jaġġusta għall-impatt tal-importazzjoni, id-domanda domestika baqgħet il-kontributur ewlieni għat-tkabbir fil-PDG.

L‑istima tal‑Bank tad‑differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali baqgħet l-istess bħat-tieni kwart, u dan jimplika użu kemxejn ogħla tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija.

L‑Indiċi tal‑Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan‑Negozju niżel bi ftit fit-tielet kwart tal‑2024 iżda baqa' ftit 'il fuq mill‑medja storika tiegħu. L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea niżel u baqa' taħt il-medja storika tiegħu.

Minn din l‑edizzjoni, ir‑Rivista ta' kull tliet xhur ser tibda tinkludi kummentarju fil-qosor dwar l‑Indiċi tal‑Bank dwar l‑Inċertezza Politika Ekonomika. Dan l-indikatur jissorvelja l‑inċertezza politika ekonomika billi jikkonsolida l-informazzjoni miġbura mill‑portals tal‑aħbarijiet Maltin. Dan l‑indiċi naqas fit‑tielet kwart u baqa' ferm taħt il‑medja storika tiegħu.

L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. Ir-rata tal-qgħad baqgħet baxxa minn perspettiva storika. Is-suq tax-xogħol baqa' ristrett, hekk kif żdiedu kemm ir-rata tal-postijiet tax-xogħol vakanti kif ukoll l-indikatur tal-iskarsezza tax-xogħol. Skont l-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol, it-tkabbir fl-impjiegi f'Malta kien ogħla mill-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li r-rata tal-qgħad kienet iżjed baxxa.

Il-pressjoni 'l fuq fil-prezzijiet għall-konsumatur kompliet tbatti matul it-tielet kwart tal-2024. L-inflazzjoni annwali kif imkejla skont l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) niżlet għal 2.1% f'Settembru, filwaqt l-indiċi li jeskludi l-enerġija u l-ikel niżel għal 1.9%. B'mod ġenerali, l-inflazzjoni ewlenija mkejla skont l-HICP kienet ogħla minn dik irreġistrata fiż-żona tal-euro, u dan jirrifletti kontribut ogħla mill-inflazzjoni tal-enerġija u l-ikel. B'kuntrast ma' dan, l-HICP li jeskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel kien ferm taħt il-medja taż-żona tal-euro.

Fit‑tielet kwart tal‑2024, il‑proporzjon tad‑defiċit tal-gvern ġenerali fil‑PDG naqas meta mqabbel mal-kwart ta' qabel, filwaqt li naqas il-proporzjon tad‑dejn tal-gvern ġenerali fil‑PDG. Kemm id-defiċit fiskali kif ukoll il-proporzjon tad-dejn fil-PDG tal-gvern Malti kienu taħt il-medja taż-żona tal-euro.

F'Settembru, il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew baxxa r-rata fuq il-faċilità ta' depożitu - ir-rata li biha jmexxi l-pożizzjoni tiegħu tal-politika monetarja - b'25 punt bażi, għal 3.50%. Barra minn hekk, f'Settembru daħlu fis-seħħ il-bidliet fil-kuritur ta' rati tal-imgħax li kienu tħabbru lura f'Marzu 2024.  Ir-rata fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament u r-rata tal-faċilità tas-self marġinali kienu mnaqqsin għal 3.65% u 3.90%, rispettivament.

Hekk kif il-pressjonijiet inflazzjonarji komplew ibattu, il-Kunsill Governattiv naqqas it-tliet rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE b'25 punt bażi f'Ottubru u għal darb'oħra f'Diċembru. Fil-laqgħa ta' Diċembru, filwaqt li tenna li ma kienx qed jimpenja ruħu minn qabel għal perkors partikolari fir-rata, il-Kunsill Governattiv waqqa' l-preġudizzju restrittiv tiegħu fir-rigward tar-rati tal-politika monetarja.

L-ewwel ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2025 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Għal indikaturi aktar riċenti kkonsulta l-Aġġornament Ekonomiku.

Lura lejn l-Arkivju