News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2025
16/01/2025 15:15:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiffirma ftehim kollaborattiv ma’ Heritage Parks Federation
L-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, is-Sur Alexander Demarco, iffirma ftehim kollaborattiv ma' Heritage Parks Federation, irrappreżentata mis-Sur Martin Galea u s-Sur Darren Saliba, fejn wiegħed l-appoġġ tal-Bank Ċentrali ta' Malta (BĊM) sabiex bini militari Brittaniku mitluq fil-Park tan-Natura u l-Istorja tal-Majjistral jiġi restawrat u jsir sala għall-avvenimenti. Is-sala għandha l-għan li tipprovdi spazju għal attivitajiet u wirjiet, u post għal attivitajiet relatati mal-komunità.
Fil-Park tan-Natura u l-Istorja tal-Majjistral, li jinsab mal-kosta fil-Majjistral ta' Malta f'Għajn Tuffieħa, hemm serje ta' kwartieri tas-suldati Ingliżi mibnija wara t-tieni Gwerra Dinjija li kienu jservu lill-militar Brittaniku stazzjonat f'Malta. Il-kwartieri ġew inklużi taħt il-mandat tal-Park ta' Natura u Storja tal-Majjistral fl-2011, u jiffurmaw parti minn Żona Speċjali ta' Konservazzjoni. Bħalissa l-kwartieri jinsabu f'idejn Heritage Parks Federation.

Ir-restawr ta' dan il-bini jifforma parti minn inizjattiva usa' li Heritage Parks Federation qed issegwi bħalissa sabiex jintuża u jitgawda minn oqsma differenti fil-komunità. Barra minn hekk, dan il-bini għandu l-potenzjal li jsir wieħed mill-attrazzjonijiet ewlenin fiż-żona ffukata u ddedikata għall-arti, il-kultura u l-isport.
Is-Sur Demarco enfasizza li l-ftehim ta' kollaborazzjoni jorbot mal-impenji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tal-Bank Ċentrali ta' Malta, permezz tal-Fond BĊM, li impenjat joffri l-appoġġ ta' proġett ta' restawr marbut mal-iżvilupp sostenibbli, il-preservazzjoni tal-wirt Malti, u l-avvanz ta' inizjattivi fis-setturi tal-arti, il-kultura u l-edukazzjoni. Dr Narcy Calamatta, Chairperson tal-Fond BĊM, kien ukoll preżenti għall-iffirmar ta' dan il-ftehim ta' kollaborazzjoni.

Mix-xellug: Segretarju tal-Bord tal-Fond BĊM Dr Jeremy Buttigieg, Membru tal-Bord tal-Fond BĊM Dr Pauline Lanzon, Chairperson tal-Fond BĊM Dr Narcy Calamatta, Aġent Gvernatur tal-BĊM is-Sur Alexander Demarco, is-Sur Martin Galea, President - Heritage Parks Federation, is-Sur Darren Saliba, Uffiċjal għall-Konservazzjoni - Heritage Parks Federation u l-Perit Patrick Calleja, President Eżekuttiv għal Din l-Art Ħelwa
Ritratti: Melvin Bugeja
Lura lejn l-Arkivju