News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

27/11/2024 10:27:00

Ir-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għall-2024

Is-settur finanzjarju domestiku jibqa' b'saħħtu minkejja tensjonijiet ġeopolitiċi għolja

Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika l‑aħħar Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja għall-2024, li jevalwa s‑sitwazzjoni makrofinanzjarja attwali f'Malta u barra minn Malta fl‑ewwel nofs tas‑sena.

Minkejja li l-prospetti ta' riċessjoni globali naqsu xi ftit, ir-Rapport jinnota li r‑riskji ġeopolitiċi għadhom joħolqu theddida sinifikanti għall‑istabbiltà finanzjarja. Hekk kif l-inflazzjoni battiet, l-awtoritajiet monetarji bdew ibaxxu r-rati tal-imgħax bil-previżjonijiet tas-suq jindikaw tnaqqis ieħor fil-ġejjieni. Madankollu, iż-żmien u l-firxa ta' dan it- tnaqqis jiddependu l-aktar fuq id-direzzjoni tal-inflazzjoni u l-kundizzjonijiet ekonomiċi ġenerali. Dawn l-inċertezzi jistgħu jqanqlu iżjed volatilità fis-suq finanzjarju, speċjalment għal dawk l-istrumenti b'valutazzjonijiet li huma diġà għoljin iżżejjed.

Minkejja l-inċertezza fix-xenarju makroekonomiku globali, is‑settur finanzjarju domestiku baqa' b'saħħtu. Il‑banek domestiċi komplew joperaw b'kapital sod u b'likwidità abbundanti. F'dan l-isfond, il-profittabbiltà baqgħet b'saħħitha għalkemm jista' jkun li waslet qrib il-quċċata, fid-dawl ta' politika monetarja aktar laxka. Għalkemm it-tkabbir tas-self naqas b'mod marġinali, dan għadu meqjus b'saħħtu. Iċ-ċiklu tas-self f'Malta jikkuntrasta ma' dak fiż-żona tal-euro. L-istess xejriet jidhru fis-settur tal-proprjetà, fejn filwaqt il‑prezzijiet tad‑djar f'Malta komplew jiżdiedu b'rata qawwija, dawk fiż‑żona tal‑euro komplew jonqsu sal‑ewwel kwart tas-sena. Fl-istess ħin, il-kwalità tas-self baqgħet tajba, hekk kif il-propozjon ta' self li ma jrendix (NPLs) kompla nieżel.

Min-naħa l-oħra, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni b'rilevanza lokali rrappurtaw profittabbilità b'saħħitha, filwaqt li żammew kapital b'saħħtu. Bl-istess mod, il-fondi ta' investiment b'rilevanza lokali komplew jikbru, xprunati mill-prestazzjoni qawwija tas-suq tal-ishma u l-irkupru tas-swieq tal-bonds.

Ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja Maltija li qed joriginaw primarjament minn riskji ġeopolitiċi internazzjonali baqgħu taħt kontroll. Ir-Rapport isemmi l-importanza li l-istituzzjonijiet finanzjarji jibqgħu viġilanti għal riskji kontinwi bħal dawn, inklużi riskji ċibernetiċi u dawk relatati mat-tibdil fil-klima. Dan, flimkien ma' prattiċi prudenti ta' self u ħlasijiet ta' dividendi, għandhom jiżguraw li l-kapital tal-banek jiġi ppreservat, filwaqt li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja domestika.

Ir-Rapport jinkludi wkoll tliet artikli li jesploraw diversi materji ta' interess. L-ewwel artiklu jiffoka dwar qafas ta' tbassir għall‑banek lokali ewlenin, filwaqt li t-tieni artiklu jintroduċi reverse stress tests fuq il-likwidità tal-banek Maltin. It‑tielet artiklu jagħti ħarsa ġenerali lejn il-fondi tal-pensjonijiet irreġistrati f'Malta. 

Rapport Interim għall-Istabbiltà Finanzjarja 2024

Lura lejn l-Arkivju