News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
28/10/2024 09:29:00
L-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jipparteċipa fil-Laqgħat Annwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali/Grupp tal-Bank Dinji
L-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, is-Sur Alexander Demarco, ipparteċipa fil-Laqgħat Annwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI)/Grupp tal-Bank Dinji (WBG) li saru f'Washington, D.C., f'Ottubru tal-2024. Il-FMI u d-WBG għandhom rwoli ewlenin fiż-żamma tas-sistema finanzjarja internazzjonali. Il-FMI huwa ddedikat biex jixpruna l-istabbiltà ekonomika globali, filwaqt li d-WBG jiffoka fuq it-tnaqqis fil-faqar u l-iżvilupp f'nazzjonijiet bi dħul aktar baxx.
Il-Laqgħat Annwali tal-FMI/WBG ilaqqgħu flimkien bankiera ċentrali, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, ministri tal-finanzi u l-iżvilupp, eżekuttivi tas-settur privat, rappreżentanti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u akkademiċi sabiex jindirizzaw materji ta' interess globali. Il-Laqgħat Annwali jservu bħala pjattaforma għad-djalogu internazzjonali u jippermettu lill-FMI u lid-WBG jipprovdu assistenza aħjar lill-membri tagħhom.
Id-diskussjonijiet ta' din is-sena kienu jiffukaw fuq l-ekonomija globali, il-politika monetarja, is-sittax-il Reviżjoni Ġenerali tal-Kwoti, it-Trust għat-Tnaqqis fil-Faqar u t-Tkabbir, il-Qafas Komuni tad-Dejn u t-tnaqqis fil-faqar dinji. Tabilħaqq, il-FMI għen b'suċċess lill-membri tiegħu fl-immaniġġjar tal-impatti differenti li jħabbtu wiċċhom magħhom billi jgħarbel il-prattiċi ta' sorveljanza, self u l-iżvilupp tal-kapaċità taghhom.
Id-WBG indirizza materji kritiċi bħas-sigurtà tal-ikel, l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-iżvilupp sostenibbli.
Fil-marġni tal-laqgħat, l-Aġent Gvernatur kellu wkoll diskussjonijiet mad-Direttur Eżekuttiv tal-FMI, Federico Giammusso u d-Direttur Eżekuttiv tad-WBG Matteo Bugamelli, li jirrappreżentaw lil Malta fl-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom, kif ukoll rappreżentanti minn aġenzija ewlenija tal-klassifikazzjoni u bankiera ċentrali.

L-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta s-Sur Alexander Demarco
mad-Direttur Eżekuttiv tal-FMI s-Sur Federico Giammusso
Lura lejn l-Arkivju