News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

25/10/2024 14:55:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-raba’ edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2024

L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li fit-tielet kwart tal‑2024, il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw kundizzjonijiet aħjar tan-negozju ddgħajjef meta mqabbel mal-kwart ta' qabel, iżda numru sostanzjali tan-negozji żammew livelli stabbli fl-operat tagħhom minkejja żidiet fl-ispejjeż.1 Fit-tielet kwart, il-proporzjon nett ta' negozji li raw titjib kien fil-livell ta' 15%, tnaqqis minn 36% fit-tieni kwart tas-sena. Setturi bħal tal-kostruzzjoni, tal-proprjetà u s-servizzi rrappurtaw attività b'saħħitha, filwaqt li oħrajn, b'mod partikolari is-settur tal-bejgħ bl-imnut u dak bl-ingrossa, iffaċċjaw pressjoni minħabba żidiet fl-ispejjeż u tnaqqis fid-domanda tal-konsumatur.

Proporzjon nett ta' 37% tan-negozji qed jistennew titjib fl-attività kummerċjali fix-xhur li ġejjin, tnaqqis minn 46% fil-kwart preċedenti. In-negozji tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà jipprevedu aktar titjib, u s-settur tas-servizzi jantiċipa li t-tkabbir fis-settur ser ikompli. L-industrija tal-manifattura tibqa' ottimista, għalkemm l-aspettattivi fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u dak bl-ingrossa huma kajmana.

Kien hemm żieda fil-proporzjon nett tal-kumpaniji li rrappurtaw żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni. Fil-fatt, 63% tal-azjendi rrappurtaw li l-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu f'dawn l-aħħar xhur, aktar mil-livell ta' 54% rrappurtat fil-perjodu ta' qabel. Il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw prezzijiet ogħla tal‑bejgħ kien ta' 41% fit‑tielet kwart tal-2024. Madankollu, dawn iż-żidiet fil-prezzijiet huma ħafna inqas minn dawk irrappurtati fl-aħħar ftit snin.

Figuri Prinċipali

Il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jinvestu aktar niżel għal 0%, minn 30% fil-kwart ta' qabel, hekk kif l-għadd ta' negozji li qed jippjanaw li jinvestu inqas kien ugwali għal dawk li qed jippjanaw li jinvestu aktar. Il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jżidu l-impjegati tagħhom naqas għal 22%. Il-kumpaniji xorta komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, kif ukoll il-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi.

Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll silta li tipprovdi tagħrif dwar l-iżviluppi fl-industrija tat-turiżmu u fis-settur tal-lukandi f'Malta. L-aħħar informazzjoni turi tkabbir fit-turiżmu, b'2.4 miljun turist iżuru Malta bejn Jannar u Awwissu tal-2024, żieda ta' 21.1% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Minkejja dan, lukandiera ta' ħames stilel irrappurtaw sfidi, inkluż ċaqliq lejn akkomodazzjoni ta' livell aktar baxx minħabba l-inflazzjoni u l-kompetizzjoni, li poġġiet pressjoni fuq l-okkupanza ta' ħames stilel u żieda fl-ispejjeż operazzjonali. Sadattant, is-segmenti ta' tlieta u erba' stilel żammew okkupanza stabbli iżda qed jiffaċċjaw ukoll żidiet fl-ispejjeż u fil-kompetizzjoni.

Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod ġdid u interattiv permezz ta' dashboard iddedikat.


1Il-fehmiet espressi huma biss dawk tal‑kumpaniji intervistati u mhux neċessarjament jirriflettu l‑fehmiet tal‑Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju