News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
09/10/2024
Gvernatur u Eżekuttivi tal‑Bank Ċentrali tar‑Repubblika tal‑Kosovo fuq żjara uffiċjali fil‑Bank Ċentrali ta’ Malta
Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali tar‑Repubblika tal‑Kosovo, is‑Sur Ahmet Ismaili, flimkien mal-President tal‑Bord, il‑Professur Bashkim Nurboja, żaru l‑Bank Ċentrali ta' Malta bejn is‑7 u t‑8 ta' Ottubru 2024. Magħhom fid-delegazzjoni kien hemm ukoll żewġ membri mhux eżekuttivi tal-bord, is-Sa Nora Latini Jashari u s-Sa Arta Hoxha. Il-laqgħa saret mal‑Aġent Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, is‑Sur Alexander Demarco, id‑Deputat Gvernatur, is‑Sur Oliver Bonello, u membru mhux eżekuttiv tal‑Bord tad‑Diretturi, il‑Professur Frank Bezzina.
L-għan taż-żjara kien li jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali u titrawwem kooperazzjoni bejn iż-żewġ banek ċentrali. Saru diskussjonijiet fil‑qasam tal‑governanza, l‑immaniġġjar tar‑riskji, l‑operat u s‑sistemi ta' pagamenti, u r‑riċerka, ma' uffiċjali għolja tal-Bank Ċentrali ta' Malta fl‑oqsma rispettivi.

L-Aġent Gvernatur Alexander Demarco u l-Gvernatur Ahmet Ismaili

Mix-xellug għal-lemin: Id-Deputat Gvernatur Oliver Bonello, Ms Nora Latifi Jashari, l-Aġent Gvernatur Alexander Demarco, il-Gvernatur Ahmet Ismaili, il-Professur Frank Bezzina, il-Professur Bashkim Nurboja u Ms Arta Hoxha
Ritratti: Melvin Bugeja
Lura lejn l-Arkivju