News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
20/08/2024 09:50:00
It-Tbassir tal-Bank Ċentrali - 2024-2026
It-tkabbir ekonomiku mistenni li jimmodera iżda jibqa' b'saħħtu
Skont l-aħħar tbassir tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-prodott domestiku gross (PDG) ta' Malta mistenni jikber b'4.4% fl-2024. It-tkabbir huwa mistenni li jimmodera għal 3.5% u 3.4% fl-2025 u fl-2026 rispettivament. Dan jimplika reviżjoni marġinali 'l fuq għall-2024 u reviżjoni marġinali 'l isfel għall-2026, meta mqabbel mal-eżerċizzju preċedenti ta' tbassir tal-Bank.
Matul dan il-perjodu, it-tkabbir mistenni li jkun xprunat mid-domanda domestika, li mistennija tibbenefika minn tkabbir b'ritmu mgħaġġel fil-konsum privat kif ukoll irkupru gradwali fl-investiment privat. Il-kontribut tal-esportazzjoni netta mistenni wkoll li jkun pożittiv iżda f'livell aktar baxx minn dak tad-domanda domestika. Dan il-kontribut huwa mistenni li jonqos maż-żmien.
It-tkabbir fl-impjiegi mistenni li jimmodera, għalkemm minn rati għoljin, bir-rata tal-qgħad mistennija tibqa' qrib it-3%.
Il-paga medja mistennija tikber b'rata ferm aktar mgħaġġla fl-2024. Dan parzjalment b'reazzjoni għall-inflazzjoni rreġistata fil-passat riċenti u suq tax-xogħol ristrett. Minn hemm 'il quddiem ir-rata tat-tkabbir mistennija li timmodera xi ftit, hekk kif l-inflazzjoni tkompli nieżla.
L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur hija mbassra li tbatti b'mod sinifikanti minn 5.6% fl-2023 għal 2.5% fl-2024, qabel ma tilħaq it-2.0% sal-2026. Meta mqabbla mat-tbassir preċedenti, l-inflazzjoni ġiet riveduta 'l fuq b'0.1 ta' punt perċentwali f'kull sena tal-perjodu tat-tbassir. Dan jirrifletti r-riżultati riċenti u l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-inflazzjoni fis-servizzi.
Il-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni jinżel għal 4.1% fl-2024, u li jkompli jonqos matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir għal 3.1% sal-2026. Madankollu, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG mistenni li jiżdied matul il-perjodu tat-tbassir u jilħaq il-livell ta' 54.1% sal-2026. It-tbassir fiskali fil-biċċa l-kbira tiegħu jibqa' l-istess meta mqabbel mal-eżerċizzju preċedenti.
Peress li l-pubblikazzjoni tal-PDG li jmiss tista' tinkludi reviżjoni akbar min-normal, iċ-ċifri ta' hawn fuq jistgħu jiġu affettwati minn reviżjonijiet. Barra minn hekk, tbassir bħal dan jista' jiġi affettwat mill-pubblikazzjoni ta' aġġornament fil-pjanijiet fiskali tal-Gvern fit-twettiq tar-regoli fiskali l-ġodda tal-UE aktar tard din is-sena. Il-tbassir tal-Bank għalhekk jista' jiġi rivedut kemxejn ladarba din l-informazzjoni ssir disponibbli.
Meta wieħed iħares lil hinn minn dawn il-fatturi, ir-riskji ġenerali għall-attività huma ġeneralment ibbilanċjati fuq il-perjodu tat-tbassir. Ir-riskji negattivi fil-biċċa l-kbira jirriżultaw minn effetti kummerċjali possibbilment negattivi relatati mat-tensjonijiet ġeopolitiċi. Min-naħa l-oħra, is-suq tax-xogħol jista' juri dinamika saħansitra aktar b'saħħitha minn dik prevista f'dan it-tbassir, kemm f'termini ta' impjiegi kif ukoll f'termini ta' pagi. Dan jista' jirriżulta fi tkabbir aktar b'saħħtu fil-konsum privat u għalhekk tkabbir fil-produzzjoni.
Ir-riskji għall-inflazzjoni huma bbilanċjati matul il-perjodu tat-tbassir. Ir-riskji ta' żieda għall-inflazzjoni jistgħu joriġinaw minn nuqqas tal-provvista li jista' jiġi kkawżat minn kunflitti ġeopolitiċi li għaddejjin bħalissa. Barra minn hekk, il-pressjonijiet fuq il-pagi jistgħu jkunu aktar b'saħħithom milli previst fit-tbassir. Il-kundizzjonijiet tat-temp mhux favorevoli u miżuri li jappoġġjaw it-tranżizzjoni ekoloġika - b'mod partikolari dawk li jeħtieġu investiment kapitali qawwi - jistgħu wkoll jgħollu l-inflazzjoni, għalkemm b'mod temporanju. Fuq in-naħa negattiva, l-inflazzjoni importata tista' tonqos aktar malajr milli mistenni jekk il-proċess ta' diżinflazzjoni globali jibda jseħħ aktar malajr milli mistenni.
Min-naħa fiskali, ir-riskji jafu jfissru żieda fid-defiċit. Dawn jirriflettu prinċipalment il-possibbiltà ta' iktar infiq rikorrenti, inkluż infiq ogħla milli mistenni fuq miżuri li jtaffu l-effett tal-ispejjeż marbuta mal-enerġija dment li l-prezzijiet tal-prodotti jkunu ogħla milli preżunt. Hemm ukoll possibbiltà ta' żidiet addizzjonali fil-pensjonijiet u l-pagi pubbliċi lejn l-aħħar tal-perjodu tat-tbassir. Jekk dawn ir-riskji jimmaterjalizzaw, dawn mistennija jiġu parzjalment ikkumpensati bil-probabbiltà ta' konsolidament fiskali biex jikkonformaw mar-regoli fiskali tal-UE.
Din il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll żewġ siltiet analitiċi. L-ewwel silta tipprovdi analiżi dettaljata tal-inflazzjoni tal-ikel f'Malta matul dawn l-aħħar tliet snin. It-tieni silta tagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn l-iżviluppi u d-dinamika fl-inflazzjoni tal-prodotti u fis-servizzi.
|
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
Tkabbir fil-PDG (% sena fuq sena)
|
5.7
|
4.4
|
3.5
|
3.4
|
Rata tal-inflazzjoni (% sena fuq sena)
|
5.6
|
2.5
|
2.1
|
2.0
|
Rata tal-qgħad
|
3.1
|
3.0
|
3.1
|
3.0
|
Bilanċ tal-baġit tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
-4.9
|
-4.1
|
-3.6
|
-3.1
|
Dejn tal-Gvern Ġenerali (% tal-PDG)
|
50.3
|
52.3
|
53.3
|
54.1
|
Aktar dettalji dwar l‑aħħar tbassir tal‑Bank jinsabu hawn.
Lura lejn l-Arkivju