News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
01/08/2024
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tielet edizzjoni tal-Business Dialogue għall-2024
L‑aħħar djalogu li sar bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u għadd ta' kumpaniji mhux finanzjarji juri li fit-tieni kwart tal‑2024, il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw kundizzjonijiet aħjar tan-negozju kien ta' 36%. B'hekk iddgħajjef meta mqabbel mal-kwart ta' qabel iżda baqa' simili ta' dak irrappurtat għall-aħħar ftit snin. Dan il-proporzjon kien fil-livell ta' 47% fl-ewwel kwart tas-sena. Is-settur tas-servizzi baqa' b'saħħtu, speċjalment minħabba l-andament tat-turiżmu b'saħħtu ħafna. B'kuntrarju għal dan, il-kundizzjonijiet tan-negozju fis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà komplew jiddgħajfu. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut saru negattivi, li parzjalment jirrifletti profittabbiltà relattivament iktar dgħajfa f'dan is-settur.
Proporzjon nett ta' 42% tan-negozji qed jistennew titjib fl-attività kummerċjali fix-xhur li ġejjin, żieda minn 39% fil-kwart preċedenti. Dan il-proporzjon huwa simili għal dak irrappurtat fl-aħħar ftit snin. Is-settur tas-servizzi żamm l-aktar aspettattivi pożittivi, li x'aktarx jirriflettu l-andament b'saħħtu tal-attivitajiet relatati mat-turiżmu, filwaqt li s-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut u s-settur tal-manifattura kellhom l-inqas rapport ottimist fost l-erba' setturi evalwati.
Kien hemm żieda fil-proporzjon nett tal-kumpaniji li rrappurtaw żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni. Fil-fatt, 54% tal-azjendi rrappurtaw li l-prezzijiet tal-produzzjoni żdiedu f'dawn l-aħħar xhur, aktar mil-livell ta' 42% rrappurtat fil-perjodu ta' qabel.
Il-proporzjon nett tan-negozji li rrappurtaw prezzijiet tal‑bejgħ ogħla, kien fil-livell ta' 42% fit-tieni kwart tal-2024, żieda ta' tmien punti perċentwali mill-kwart ta' qabel. Dawn iż-żidiet huma, madankollu, ħafna inqas minn dawk irrappurtati fl-aħħar ftit snin.
Il-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jinvestu aktar naqas għal 30%, minn 36% fil-kwart ta' qabel, filwaqt li l-proporzjon nett tan-negozji li qed jippjanaw li jżidu l-impjegati tagħhom naqas b'punt perċentwali biss, għal 41%. Madankollu, l-intenzjonijiet għall-ingaġġ tal-ħaddiema huma inqas minn dawk irrappurtati s-sena li għaddiet. Il-kumpaniji xorta komplew jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, kif ukoll il-pressjonijiet biex jiżdiedu l-pagi.
Din il-pubblikazzjoni tinkorpora wkoll silta dwar l-impatt tal-arranġamenti tat-teleworking fuq id-domanda tal-kumpaniji għall-uffiċċji. It-tweġibiet miġbura jindikaw li filwaqt li t-teleworking sa ċertu punt ġie adottat, dan ma wassalx għal tnaqqis sostanzjali fid-domanda għall-ispazju għall-uffiċċji għall-biċċa l-kbira tal-kumpaniji. Dan huwa primarjament minħabba n-natura speċifika ta' ħafna rwoli li jeħtieġu preżenza fuq il-post tax-xogħol kif ukoll in-nuqqas ta' rieda tal-kumpaniji li joffru dawn l-arranġamenti ta' xogħol. Madankollu, is-suq tal-proprjetà kellu impatt aktar qawwi u rrapporta provvista żejda ta' spazji għal uffiċċji kummerċjali.
Il-pubblikazzjoni sħiħa hija disponibbli hawn. L-istħarriġ dwar id-djalogu man-negozji jista' jiġi aċċessat ukoll b'mod ġdid u interattiv permezz ta' dashboard iddedikat.
Lura lejn l-Arkivju