News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024
15/07/2024 08:55:00
Settur finanzjarju reżiljenti minkejja riskji ġeopolitiċi globali għolja
Il‑Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika s‑sittax‑il edizzjoni tiegħu tar‑Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja (Rapport), li jkopri l‑iżviluppi makrofinanzjarji domestiċi u globali u l‑effetti tagħhom fuq is‑settur finanzjarju Malti matul l‑2023.
Fir-Rapport insibu li l-qagħda makrofinanzjarja esterna kompliet tkun ikkaratterizzata minn riskji ġeopolitiċi għoljin li setgħu jkollhom effetti ħżiena fuq l‑istabbiltà finanzjarja. Filwaqt li l-banek ċentrali komplew jissikkaw il-politika monetarja tagħhom, l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni komplew jonqsu, tant li s-swieq finanzjarji kienu qed jantiċipaw li l-awtoritajiet monetarji jibdew ibaxxu r-rati tal-imgħax fl-ewwel xhur tal-2024. Dan kellu impatt pożittiv fuq is-swieq finanzjarji, hekk kif l-ishma u l-bonds irkupraw b'mod qawwi, speċjalment lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet.
Is‑settur finanzjarju domestiku baqa' reżiljenti. Il‑banek lokali komplew joperaw b'marġni aktar wiesgħa li jisbqu r‑rekwiżiti regolatorji tal‑kapital u tal‑likwidità, u b'hekk baqgħu kapaċi jassorbu l-impatti negattivi. Fl-istess waqt, il-profittabbiltà żdiedet permezz ta' dħul nett ogħla mill-imgħax, imsaħħa b'rati ogħla ta' imgħax kif ukoll domanda sostnuta għall-kreditu. Dan tal-aħħar, madankollu, jibqa' xprunat l-aktar mis-self marbut mal-proprjetà, u b'hekk ikompli jżid ir-riskju ta' konċentrazzjoni fuq l-assi tas-self tal-banek lokali. L-indikaturi tal-kwalità tas-self baqgħu pożittivi hekk kif rifless fil-proporzjonijiet aktar baxxi tas-self li ma jrendix (NPLs).
Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni b'rilevanza domestika baqgħu kkapitalizzati sew, bl-assiguraturi tal-ħajja jirrapportaw żieda fid-domanda għal prodotti ta' unitajiet u dawk marbuta ma' xi indiċi. Dan jirrifletti titjib fis-suq finanzjarju matul is-sena. Wara dan l-irkupru, sottofondi ta' investiment li għandhom rilevanza lokali rreġistraw l-ewwel tkabbir tagħhom wara sentejn, filwaqt li qed joperaw ukoll b'livell ta' dejn limitat.
Fir‑Rapport insibu wkoll għadd ta' artikli dwar diversi suġġetti, fosthom analiżi biex jitkejjel il-credit gap tal‑korporazzjonijiet Maltin, aġġornamenti metodoloġiċi kemm fil‑qafas tal-istress test makroekonomiku, kif ukoll il‑proporzjon tal‑likwidità fuq l-assi tal‑assigurazzjoni u tal‑investiment. Ir‑Rapport janalizza wkoll is‑settur tal‑intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja, l-iżviluppi fid‑depożiti minħabba diverġenzi fit-trażmissjoni tal-politika monetarja, u evalwazzjoni dwar is‑sinifikat u l‑effettività tal-bafer O‑SII f'Malta.
Lura lejn l-Arkivju