News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2024

26/04/2024 16:10:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippreżenta r-Rapport Annwali għas-sena 2023

Fis-26 ta' April 2024, il‑Bank Ċentrali ta' Malta nieda r‑Rapport Annwali tiegħu għas-sena 2023, f'Binja Laparelli fil‑Belt Valletta. It-tnedija kienet indirizzata mill‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Edward Scicluna, mid‑Deputat Gvernatur għall‑Politika Monetarja Mr Alexander Demarco, mid‑Deputat Gvernatur għall‑Istabbiltà Finanzjarja Mr Oliver Bonello, u miċ-Chief Economist Dr Aaron Grech. Ir‑Rapport Annwali għall‑2023 jinkludi rapporti finanzjarji dettaljati, kif ukoll analiżi tal‑iżviluppi ekonomiċi, monetarji u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha. 

Il‑Gvernatur, il‑Professur Edward Scicluna, ta ħarsa ġenerali lejn il‑prospetti ekonomiċi u finanzjarji taż‑żona tal‑euro. Qal li l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro naqset drastikament f'dawn l-aħħar xhur, għal madwar 2.5%. Fil-parti l-kbira dan jirrifletti l-korrezzjoni fil-prezzijiet tal-enerġija filwaqt li l-effett tax-xokkijiet fl-ispejjeż riċenti qed ibatti. It-tnaqqis fl-inflazzjoni jirrifletti żieda sostanzjali fir-rati tal-imgħax tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-irtirar gradwali tal-likwidità eċċessiva mis-sistema bankarja. Effetti addizzjonali jinkludu spejjeż ogħla għall-finanzjament għal min jissellef u tnaqqis fid-domanda fiż-żona tal-euro. L-inflazzjoni sottostanti (li teskludi l-komponenti l-aktar volatili tal-ikel u l-enerġija) immoderat ukoll, iżda fuq din il-bażi d-diżinflazzjoni kienet aktar kawta. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jinsab determinat li jġib l-inflazzjoni taż-żona tal-euro għal 2% fi żmien adatt u jiżgura li r-rati tal-politika monetarja jibqgħu restrittivi b'mod suffiċjenti sakemm ikun meħtieġ. Jekk id-data li dieħla żżid il-fiduċja tal-Kunsill li l-konverġenza tal-inflazzjoni għal 2% qed tkompli għaddejja b'mod sostnut, ikun xieraq li jitnaqqas il-livell attwali ta' restrizzjoni tal-politika monetarja.

Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna
Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna

Iċ-Chief Economist tal‑Bank, Dr Aaron Grech, ta rendikont tat‑tkabbir ekonomiku matul l‑2023. Qal li l-attività f'Malta wriet reżiljenza minkejja pressjonijiet inflazzjonarji għoljin u spejjeż ogħla għal finanzjament. Madankollu, l‑inflazzjoni mmoderat fl‑2023 u din is‑sena mistennija tkompli timmodera hekk kif l‑attività finanzjarja tonqos. It-tnaqqis fl-inflazzjoni hu bbażat fuq firxa wiesgħa ta' komponenti. Id-data li dieħla għall-ewwel xhur tal-2024 tissuġġerixxi li l-inflazzjoni kompliet tonqos, parzjalment minħabba l-effett tal-miżuri tal-gvern immirati biex jistabbilizzaw il-prezzijiet tal-ikel. Skont l‑aħħar tbassir tal‑Bank, l‑inflazzjoni HICP din is‑sena mistennija timmodera għal 2.9%. 

Chief Economist, Dr Aaron Grech
Chief Economist, Dr Aaron Grech

Mr Oliver Bonello, id-Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjarja, iffoka dwar l-iżviluppi riċenti li jaffettwaw il-banek lokali ewlenin. Enfasizza r-reżiljenza kontinwa tas-sistema bankarja lokali li topera b'likwidità għolja u b'bafers kapitali b'saħħithom. Fl-2023, il-banek irreġistraw profitti sinifikanti filwaqt li l-kwalità tal-assi tagħhom kompliet titjieb. Ippersistew il-vulnerabbiltajiet ċikliċi li rriżultaw minn proprjetà immobbli u f'dan ir‑rigward il‑Bank, flimkien mal‑MFSA, implimenta bafer dwar ir-riskju sistemiku settorjali li kien introdott bis-sħiħ f'Marzu 2024. Mr Bonello kkonkluda l-preżentazzjoni tiegħu b'ħarsa lejn l-ostakli potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja. 

Id-Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjarja, Mr Oliver Bonello
Id-Deputat Gvernatur għall-Istabbiltà Finanzjarja, Mr Oliver Bonello

Fil‑preżentazzjoni tiegħu, id‑Deputat Gvernatur għall‑Politika Monetarja, Mr Alexander Demarco, spjega li l‑Bank Ċentrali ta' Malta kellu tkabbir marġinali fil‑balance sheet tiegħu, l‑aktar minħabba żieda fid‑depożiti tal‑Gvern. Qal ukoll li l‑Bank, bħala membru tal‑Eurosistema, żamm l‑impenn tiegħu li jilħaq l‑għan tal‑istabbiltà fil‑prezzijiet permezz ta' żidiet fir‑rati tal‑imgħax matul l‑2023. Dan kompla jħalli impatt negattiv fuq il‑kont tal-introjtu u l‑infiq tiegħu. Spjega wkoll li kien għalhekk meħtieġ rilaxx minn dispożizzjonijiet biex jiġi bbilanċjat il-kont tal-qligħ u t-telf. 

Id-Deputat Gvernatur għall-Politika Monetarja, Mr Alexander Demarco
Id-Deputat Gvernatur għall-Politika Monetarja, Mr Alexander Demarco

Għat-tnedija attendew uffiċjali minn istituzzjonijiet ta' kreditu, diplomatiċi, stockbrokers, ekonomisti, imsieħba soċjali u operaturi soċjoekonomiċi oħrajn. It-tnedija kienet tinkludi sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet għal dawk li attendew u l-ġurnalisti.

Ir-Rapport Annwali għall-2023 jinsab hawn.

Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna, jindirizza lill-udjenza
Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna, jindirizza lill-udjenza

Ritratti: Melvin Bugeja

Lura lejn l-Arkivju