News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
27/12/2023
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Diċembru
It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali f’livell viċin il-medja storika
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f’Novembru, b’mod ġenerali it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien konformi mal-medja storika.
F’Novembru, l-indikatur tal-fiduċja ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea naqas għat-tieni xahar konsekuttiv u kien taħt il-medja storika. L-aspettattivi dwar l-impjiegi battew ukoll meta mqabbla ma' xahar qabel.
L-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu bi ftit fost in-negozji fl-industrija u fis-settur tas-servizzi, iżda żdiedu fil-kumplament tas-setturi. Dawn baqgħu 'l fuq mill-medja tagħhom fuq żmien twil fis-setturi kollha.
L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta, hekk kif il-produzzjoni industrijali kibret b’ritmu inqas mgħaġġel minn sena qabel, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut naqas b’ritmu iktar mgħaġġel. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol baqgħu favorevoli f’Ottubru.
Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali naqsu f'Ottubru meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu. F'Novembru żdied in-numru ta' konvenji, filwaqt li dak tal-kuntratti ta' bejgħ naqas meta mqabbel ma' sena ilu.
F’Ottubru, id-depożiti tar-residenti Maltin, li jiffurmaw parti mill-aggregat monetarju wiesa’ M3, naqsu mil-livell ta’ sena ilu. Dan it-tnaqqis jirrifletti tnaqqis fil-bilanċ tal-intermedjarji finanzjarji u dawk li jappartjenu lin-negozji. Sadattant, it‑tkabbir annwali fil‑kreditu lir-residenti Maltin kiber meta mqabbel ma’ xahar qabel.
F'Novembru, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) u l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl-Imnut (RPI) kompliet tonqos għal 3.9% u 3.6%, rispettivament.
F’Ottubru, il-Fond Konsolidat irreġistra tnaqqis fid-defiċit meta mqabbel ma’ sena qabel.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju