News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
28/11/2023 13:55:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Novembru
It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kemxejn ogħla mill-medja storika
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Ottubru, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kiber marġinalment u baqa' f'livell kemxejn ogħla mill-medja storika.
L-indikatur tal-fiduċja ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea naqas drastikament f'Ottubru, mill-ogħla livell tiegħu rreġistrat xahar qabel imma baqa' f'livell ogħla mill-medja storika tiegħu. B'kuntrast, l-aspettattivi dwar l-impjiegi żdiedu meta mqabbla ma' xahar qabel.
F'Ottubru, l-aspettattivi tal-prezzijiet żdiedu fis-setturi kollha, ħlief fis-settur tal-kostruzzjoni. Dawn baqgħu 'l fuq mill-medja tagħhom fuq żmien twil fis-setturi kollha.
L-iżviluppi fl-indikaturi tal-attività ekonomika kienu mħallta, hekk kif il-produzzjoni industrijali kibret marġinalment minn sena qabel, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut naqas bi ftit. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol baqgħu favorevoli f'Settembru.
Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali naqsu f'Settembru meta mqabbla mal-livelli tax-xahar ta' qabel u ta' sena ilu. F'Ottubru żdied in-numru ta' konvenji, filwaqt li dak tal-kuntratti ta' bejgħ naqas meta mqabbel ma' sena ilu.
F'Settembru, id‑depożiti tar‑residenti Maltin naqsu mil‑livell tas‑sena l‑oħra. Dan kien dovut l-aktar għal tnaqqis fil-bilanċi ta' depożiti miżmuma minn intermedjarji finanzjarji u negozji. Sadattant, it-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti Maltin żdied marġinalment.
F'Ottubru, ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) u l‑Indiċi tal‑Prezzijiet bl-Imnut (RPI) kompliet tonqos għal 4.2% u 3.7%, rispettivament.
F'Settembru, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus meta mqabbel ma' defiċit sena qabel.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju