News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
09/11/2023 09:30:00
Il‑Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r‑raba’ ħarġa tar‑Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur dwar l‑iżviluppi ekonomiċi fit‑tieni kwart tal‑2023
L‑ekonomija Maltija kibret b'ritmu inqas mgħaġġel meta mqabbla mal-kwart ta' qabel. Meta wieħed jaġġusta għall-importazzjoni, id-domanda domestika kellha impatt newtrali fuq it-tkabbir fil-prodott domestiku gross (PDG), filwaqt li l-esportazzjoni kellha effett pożittiv. L‑istima tal‑Bank tad‑differenza fil‑produzzjoni bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali baqgħet pożittiva, iżda naqset. Dan jindika li filwaqt li kien hemm użu żejjed tal-kapaċità produttiva tal‑ekonomija, dan kompla jonqos.
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju kien f'livell kemxejn ogħla mill-medja storika tiegħu. L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea baqa' ogħla mill-medja storika tiegħu.
L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu favorevoli.
Il-pressjoni fuq iż-żieda fil-prezzijiet għall-konsumatur battiet xi ftit, għalkemm l-inflazzjoni baqgħet għolja minn perspettiva storika.
Il‑proporzjon tad‑defiċit tal‑gvern ġenerali fil-PDG u l‑proporzjon tad‑dejn fil‑PDG naqsu meta mqabbla mal‑ewwel kwart tal‑2023. Filwaqt li l-proporzjon tad-dejn fil-PDG ta' Malta kien taħt il-medja taż-żona tal-euro, il-proporzjon tad-defiċit fil-PDG ta' Malta kien f'livell ogħla.
Il-PDG u t-tkabbir fl-impjiegi f'Malta kienu ogħla meta mqabbla mal-medja taż-żona tal-euro, filwaqt li r-rata tal-qgħad kienet aktar baxxa. Madankollu, l-inflazzjoni HICP kienet ogħla hekk kif l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija kienet f'livell negattiv fiż-żona tal-euro.
Fid-dawl tal-pressjonijiet inflazzjonarji persistenti, il-Bank Ċentrali Ewropew reġa' għolla r-rati ewlenin tal-imgħax tiegħu f'Mejju u f'Ġunju. Ġew imħabbra żidiet addizzjonali f'Lulju u f'Settembru. F'Lulju, il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jistabbilixxi r-remunerazzjoni tar-riżervi minimi għal 0%.
Ir-raba' ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2023 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank.
Għal indikaturi aktar riċenti kkonsulta l-Aġġornament Ekonomiku.

Lura lejn l-Arkivju