News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
03/11/2023 11:40:00
Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta jindirizza lill‑istudenti tal‑Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija
Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, il‑Professur Edward Scicluna, żar il‑Kulleġġ Malti għall‑Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) fejn indirizza lill-għalliema u l-istudenti mill-Institute of Business Management & Commerce (IBMC) u spjega l-irwol tal-Bank Ċentrali ta’ Malta kemm bħala parti mis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali kif ukoll fuq livell nazzjonali. Il-Gvernatur Scicluna wieġeb ukoll diversi mistoqsijiet mill-udjenza.

Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna, jindirizza lill-istudenti fl-MCAST
Ritratt: Melvin Bugeja
Aktar qabel il‑Gvernatur intlaqa’ mill‑Prinċipal u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal‑MCAST, il‑Professur Joachim James Calleja. Matul iż‑żjara, il‑Professur Scicluna fetaħ il-wirja ‘Il-Muniti f’Malta – 2,500 sena ta’ storja’ li ttellgħet fis-sala tal-IBMC. Il‑Gvernatur ippreżenta wkoll munita kommemorattiva lill‑Istitut.
Il-Prinċipal u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, stqarr ukoll li, “huwa tassew ta’ pjaċir li nilqgħu lill-Professur Edward Scicluna fl-MCAST. Il-Professur Scicluna kien Gvernatur ta’ dan il-Kulleġġ meta twaqqaf l-MCAST fis-sena 2000. Il-Bank Ċentrali jappoġġja t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u jingaġġa studenti tal-MCAST fuq bażi regolari. Hija din l-esperjenza diretta fuq il-postijiet tax-xogħol li tagħmel lill-MCAST post speċjali biex titgħallem u taħdem. Ħafna mill-istudenti tagħna japprezzaw l-opportunità li jaħdmu u jistudjaw fil-Bank Ċentrali. L-ingaġġ ta’ apprendisti huwa investiment għal min iħaddem fis-settur privat u dak pubbliku”.

Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, il‑Professur Edward Scicluna, flimkien mal-Prinċipal u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja, u Mr Andre Galea, Direttur tal-Institute of Business Management & Commerce
Ritratt: MCAST
L-MCAST ilu jħarreġ studenti għall-industrija lokali għal aktar minn għoxrin sena, b’mijiet ta’ gradwati kull sena jibdew il-karrieri rispettivi tagħhom. L-IBMC, b’aktar minn 1,300 student/a jattendu korsijiet full-time, huwa wieħed mill-akbar istituti fi ħdan il-Kulleġġ. L-IBMC joffri programmi fil-maniġment, marketing, accountancy, servizzi finanzjarji u suġġetti oħra relatati man-negozju.

Ritratt: MCAST
Lura lejn l-Arkivju