News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
31/10/2023
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Ottubru
It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali ’l fuq mill-medja storika
L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju tal-Bank jindika li f'Settembru, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kiber marġinalment u kien f'livell kemxejn ogħla mill-medja storika.
F'Settembru, l-indikatur tal-fiduċja ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea laħaq l-ogħla livell, u kien ferm ogħla mill-medja storika tiegħu. B'kuntrast ma' dan, l-aspettattivi dwar l-impjiegi naqsu meta mqabbla ma' xahar qabel u kienu taħt il-medja storika.
F'Settembru, l-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fis-setturi kollha ħlief fis-settur tal-kostruzzjoni. L-aspettattivi baqgħu 'l fuq mill-medja fis-setturi kollha, ħlief għall-konsumaturi u fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.
L-indikaturi tal-attività ekonomika komplew jindikaw tkabbir, filwaqt li l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol f'Awwissu baqgħu favorevoli.
Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali żdiedu f'Awwissu meta mqabbla mal-livelli ta' xahar ta' qabel iżda naqsu f'termini annwali. F'Settembru, in-numru ta' konvenji tela' sena fuq sena, filwaqt li naqas in-numru ta' kuntratti ta' bejgħ.
F'Awwissu, għall‑ewwel darba mill‑2011, id‑depożiti tar‑residenti Maltin naqsu mil‑livell tas‑sena l‑oħra, l‑aktar minħabba tnaqqis fil-bilanċi ta' depożiti miżmuma minn intermedjarji finanzjarji. Sadattant, it-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti f'Malta żdied b'rata annwali inqas mgħaġġla.
F'Settembru, ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) niżlet għal 4.9%, filwaqt li r-rata bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet marġinalment għal 4.1%.
F'Awwissu, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus ikbar meta mqabbel ma' sena qabel.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju