News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
18/10/2023 09:30:00
Munita tad-Deheb (Bullion) bit-titlu ‘Melita’ għall-2023
L-edizzjoni tal-2023 tal-muniti tad-deheb (bullion) bit-titlu 'Melita', maħruġa għall-ewwel darba fl-2018, tnediet fit-18 ta' Ottubru 2023. Dawn il‑muniti huma r‑riżultat ta' proġett ta' kollaborazzjoni bejn il‑Bank Ċentrali ta' Malta u l‑Lombard Bank Malta plc.
Il-muniti, li huma valuta legali f'Malta, inħarġu f'erba' piżijiet u denominazzjonijiet differenti. Il-munita tal-€100 tiżen uqija troy (31.10g), tal-€50 tiżen nofs uqija (15.55g), dik tal-€25 tiżen kwart ta' uqija (7.77g) u tal-€10 tiżen waħda minn għaxra ta' uqija (3.1g). Il-muniti huma maħdumin f'999.9 deheb (24 karat) minn MKS PAMP S.A. Mint fl-Iżvizzera u meqjusa fost l-aktar muniti puri uffiċjali tad-deheb (bullion) madwar id-dinja.
Fuq in‑naħa ta' quddiem tal-muniti hemm l‑istemma araldika tar‑Repubblika ta' Malta, filwaqt li fuq in‑naħa ta' wara tidher il-figura ta' Melita, rappreżentazzjoni allegorika ta' Malta, hekk kif ispirata minn dik maħluqa mill-artist Edward Caruana Dingli għal sett ta' bolol postali li kienu ħarġu ftit wara li Malta ngħatat tmexxija awtonoma fl-1921.

Il-muniti huma ċċertifikati u ppreżentati individwalment f'kard issiġillata. Kull munita għandha profil uniku li jista' jiġi vverifikat permezz ta' VERISCAN, sistema innovattiva ta' sigurtà tal-PAMP li tawtentika d-deheb (bullion).
Il‑muniti jistgħu jinxtraw mill‑Malta Coin Centre (MCC) counter jew e‑shop kif ukoll mill-fergħa tal-Lombard Bank u MaltaCoins. Peress li l-muniti huma kklassifikati bħala deheb ta' investiment, il-prezz tagħhom ser ikun ibbażat fuq il-prezz internazzjonali tad-deheb. Għalhekk il-prezzijiet jiġu kkwotati fil-punt tal-bejgħ. Il-muniti huma eżentati mill-VAT.
Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-MCC bl-email jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7/8, jew lil-Lombard Bank fuq (+356) 25581163 jew bl-email.
Lura lejn l-Arkivju