News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

29/08/2023 08:54:00

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Awwissu

It-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqa' fl-istess livell u jibqa' ogħla mill-medja

L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju tal-Bank jindika li f'Lulju, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqa' b'mod ġenerali fl-istess livell meta mqabbel max-xahar ta' qabel, u jibqa' ogħla mill-medja storika.

L-indikatur tal-fiduċja ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea żdied meta mqabbel ma' Ġunju, filwaqt li l-indikatur tal-aspettattivi dwar l-impjiegi naqas. Madankollu t-tnejn baqgħu 'l fuq mill-medja storika.

F'Lulju, l-aspettattivi tal-prezzijiet kienu taħt il-livell tas-sena l-oħra fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, u b'rata inqas, fl-industrija. B'kuntrast, l-aspettattivi tal-prezzijiet fis-servizzi u l-kostruzzjoni kienu ogħla b'mod sinifikanti mil-livell ta' Lulju 2022. L-aspettattivi tal-prezzijiet fost il-konsumaturi żdiedu wkoll meta mqabbla ma' sena qabel, għalkemm b'rata inqas.

Filwaqt li l-indikaturi tal-attività kienu mħallta, dawk għas-suq tax-xogħol kienu pożittivi ħafna.

F'Ġunju, kemm id-depożiti kif ukoll il-kreditu tar-residenti Maltin żdiedu b'rata annwali marġinalment iktar mgħaġġla.

Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali naqsu bi ftit f'Ġunju meta mqabbla mal-livelli ta' xahar ilu iżda kienu f'livell ogħla f'termini annwali. F'Lulju, in-numru ta' konvenji tela' sena fuq sena, filwaqt li naqas in-numru ta' kuntratti ta' bejgħ.

Ir‑rata annwali tal‑inflazzjoni bbażata fuq l‑Indiċi Armonizzat tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (HICP) u l‑Indiċi tal‑Prezzijiet għall‑Konsumatur (RPI) kompliet tonqos f'Lulju għal 5.6% u 4.7%, rispettivament.

F'Ġunju, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit ikbar meta mqabbel ma' sena qabel.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Aġġornament Ekonomiku 8/23

Lura lejn l-Arkivju