News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

28/07/2023

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Lulju

L‑Indiċi tal‑Bank dwar il‑Kundizzjonijiet tan‑Negozju jindika li f'Ġunju, it‑tkabbir annwali fl‑attività kummerċjali żdied bi ftit meta mqabbel max‑xahar ta' qabel u għalhekk baqa' ogħla mill-medja storika hekk kif stmata minn Jannar 2000.

L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta naqas f'Ġunju meta mqabbel ma' Mejju, għalkemm baqa' marġinalment ogħla mill-medja storika tiegħu hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002. Xahar fuq xahar, is-sentiment naqas fis-setturi kollha, ħlief fis-settur tas-servizzi. It-tnaqqis l-aktar b'saħħtu ġie rreġistrat fis-settur tal-kostruzzjoni.

Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li l-aspettattivi tal-prezzijiet f'Ġunju kienu ferm inqas mil-livell ta' sena ilu fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u fl-industrija. L-aspettattivi tal-prezzijiet fost in-negozji fis-servizzi u fost il-konsumaturi wkoll niżlu bi ftit meta mqabbla ma' sena qabel. Min-naħa l-oħra, l-aspettattivi tal-prezzijiet fis-settur tal-kostruzzjoni kienu ferm ogħla mil-livell irreġistrat f'Ġunju 2022.

F'Mejju, il-produzzjoni industrijali kibret b'ritmu inqas mgħaġġel, filwaqt li l-kummerċ bl-imnut żdied b'rata marġinalment aktar mgħaġġla, meta mqabbla ma' April. F'Mejju, ir-rata tal-qgħad irritornat għall-iktar livell storikament baxx ta' 2.8% - minn 2.9% fix-xahar ta' qabel, u 3.1% f'Mejju 2022.

F'Mejju, il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali naqsu meta mqabblin mal-livelli ta' sena ilu, u anki f'termini ta' xahar fuq xahar. B'kuntrast, il-permessi maħruġa għal bini residenzjali naqsu fuq ix-xahar ta' qabel iżda kienu f'livell kemxejn ogħla mis-sena ta' qabel.

F'Ġunju, in-numru ta' konvenji tela' sena fuq sena, filwaqt li naqas in-numru ta' kuntratti ta' bejgħ.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 6.2% f'Ġunju, tnaqqis mir-rata ta' 6.3% fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) battiet għal 5.4%, minn 5.7% f'Mejju.

F'Mejju, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus ogħla meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif żdied id-dħul tal-gvern, filwaqt li differenzi fil-perjodu ta' żmien ta' ċerti pagamenti fuq inizjattivi tal-gvern ikkontribwew għal tnaqqis fl-infiq.

Kemm id-depożiti kif ukoll il-kreditu tar-residenti Maltin żdiedu b'rata annwali inqas mgħaġġla f'Mejju.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju