News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
19/07/2023
Ħruġ ta’ Munita Numiżmatika li tfakkar l-Għaqda Każini tal-Banda
Fit‑18 ta’ Lulju 2023, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ munita numiżmatika li tfakkar l‑Għaqda Każini tal‑Banda (GħKB) li din is‑sena qed tiċċelebra l‑ħamsa u sebgħin anniversarju tagħha.

Il-Gvernatur, il-Professur Edward Scicluna ma’ Dr Noel Camilleri, President tal-Għaqda Każini tal-Banda, membri tal-Assoċjazzjoni u impjegati tal-Bank Ċentrali ta’ Malta
L-Għaqda Każini tal-Banda hija organizzazzjoni mifruxa ma’ Malta u Għawdex, b’madwar 91 każin tal-banda jiffurmaw parti minnha. L-għan tal-Għaqda hu li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn diversi soċjetajiet mużikali u tgħinhom fil-ħtiġijiet tagħhom, u tippromwovi t-tagħlim u l-għarfien tal-mużika.
Preżenti għat-tnedija mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, kien hemm il-President tal-GħKB, Dr Noel Camilleri, u membri tal-Kumitat, Mr Christopher Briffa, Mr Rendell Micallef u Mr Tonio Sammut, u mill-Bank kien hemm Mr Benoit Waelkens, Mr Peter Paul Tabone, Mr Melvin Bugeja u Mr Joseph Esposito.

Il-Gvernatur qal li l-każini tal-banda f'Malta u Għawdex huma parti integrali mis-soċjetà u l-kultura tal-gżejjer Maltin, u tul is-snin, stabbilew lilhom infushom bħala istituzzjoni fil-qalba ta' kull belt u raħal, bil-għan li xxerred il-kultura Maltija u t-tagħlim tal-mużika. Il-każini tal-banda baqgħu relevanti sal-lum.
Dr Camilleri rringrazzja lill-Gvernatur u lill-Bank talli għażlu l-ħamsa u sebgħin anniversarju tal-Għaqda għall-ħruġ tal-muniti kommemorattivi.
Il-munita tal-fidda, li għandha valur nominali ta' €10, għandha dijametru ta' 38.61mm u maħduma f'0.925 fidda, filwaqt li l-munita tad-deheb, li għandha valur nominali ta' €50, għandha dijametru ta' 21mm u maħduma f'0.916 deheb. In-naħa ta' quddiem tal-muniti turi l-istemma araldika ta' Malta, filwaqt li fuq in-naħa ta' wara hemm rappreżentazzjoni ta' banda Maltija. L-istampar tal-muniti tal-fidda ser ikun limitat għal 1,000 munita, filwaqt li l-istampar tal-muniti tad-deheb ser ikun limtat għal 400 munita. Il-muniti, li nħadmu mir-Royal Dutch Mint, ġew iddisinjati u mnaqqxa minn Noel Galea Bason.

Ritratti: Melvin Bugeja & Stephen Rutland
Il-muniti jistgħu jinxtraw direttament mill-e-shop tal-Malta Coin Centre (MCC). Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-MCC permezz tal-Formola Elettronika jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.
Lura lejn l-Arkivju