News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023
06/06/2023
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jniedi wirja tal-arti ta’ Joseph Barbara f’ġieħ Fr Marius Zerafa
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta nieda wirja ta’ arti sostenibbli ta’ Joseph Barbara sabiex ifakkar il-memorja ta’ Fr Marius Zerafa wara mewtu f’Ottubru 2022.

Bit-titlu ‘Skart Għani’, il-wirja kienet il-moħħ ta’ Fr Marius Zerafa, l-ewwel President tal-Bord Konsultattiv tal-Fond Bank Ċentrali ta’ Malta. Il‑Bank kompla bl‑inizjattiva li jagħti ġieħ lill‑impenn tiegħu tul ħajtu sabiex jissaħħaħ il‑patrimonju artistiku ta’ Malta. Responsabbli għat-twaqqif ta’ MUŻA, Mużew tal-Arti f’Malta, il-patri Dumnikan kellu rwol kruċjali fl-irkupru b’suċċess tal-kwadru ta’ San Ġirolmu tal-Caravaggio fl-1987.
Il‑wirja hija wkoll parti mill‑avvenimenti tal‑Bank fl‑okkażjoni tal‑ħamsa u ħamsin anniversarju mit-twaqqif tiegħu. Uħud mill‑ifjen xogħlijiet ta’ Joseph Barbara, maħluqa kompletament mill‑iskart iġġenerat f’Malta, qed jiġu esibiti fil‑Polverista, binja storika tal‑Bank, u fil‑Lower Garden viċin il-Polverista.
Waqt it‑tnedija, il‑Professur Edward Scicluna, il‑Gvernatur tal‑Bank, irrimarka li t‑tema ta’ sostenibbiltà ntgħażlet bi skop.

Il-Bank jirrikonoxxi li t-tibdil fil-klima huwa l-akbar sfida li qed tiffaċċja l-umanità. Matul is-snin, kunsiderazzjonijiet ambjentali u klimatiċi saru wkoll parti integrali mill-operat tal-Bank, kemm f’termini tal-funzjonijiet tiegħu bħala bank ċentrali kif ukoll fir-rigward tal-operat tiegħu ta’ kuljum.
Fl-indirizz qasir tiegħu, Joseph Barbara qal li permezz tal-installazzjonijiet tiegħu jimmira li jwassal il-messaġġ li s-sbuħija spiss tinħeba faċilment fid-deher.
Il-Bord Konsultattiv tal-Fond twaqqaf mill-Bank sabiex jgħin fl-identifikar ta’ proġetti li jistħoqqilhom l-appoġġ tal-Bank fl-oqsma edukattivi, kulturali, xjentifiċi u soċjali.
Il-wirja ser tibqa’ miftuħa sal-15 ta’ Ġunju 2023 u d-dħul huwa minn Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-08:15 u s-13:45 (minbarra s-Sibtijiet u l-Ħdud u l-btala pubblika).

Ritratti: Melvin Bugeja
Lura lejn l-Arkivju