News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

30/05/2023

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Mejju

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'April it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kompla jaqbeż il-medja hekk kif stmata sa minn Jannar 2000.

L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta żdied f'April meta mqabbel max-xahar ta' qabel, u kien ogħla mill-medja storika tiegħu, hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002. Xahar fuq xahar, is-sentiment żdied fis-setturi kollha, ħlief fis-settur tas-servizzi.

Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li l-aspettattivi tal-prezzijiet f'April kienu ferm ogħla mil-livell ta' sena ilu fis-settur tal-kostruzzjoni, u sa ċertu punt, fil-kumpaniji tas-servizzi wkoll. B'kuntrast ma' dan, l-aspettattivi tal-prezzijiet fl-industrija, fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, u fost il-konsumaturi kienu ferm aktar baxxi.

L-Indikatur tal-Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta żdied meta mqabbel ma' Marzu, għalkemm xorta kien taħt il-livell irreġistrat f'April tas-sena l-oħra. L-inċertezza żdiedet l-aktar fis-settur tal-industrija.

F'Marzu, kemm il-produzzjoni industrijali kif ukoll il-kummerċ bl-imnut żdiedu sena fuq sena, għalkemm ir-rata tat-tkabbir kienet inqas mgħaġġla meta mqabbla ma' Frar. Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta' 2.9% f'Marzu, marġinalment taħt ir-rata ta' 3.0% rreġistrata fix-xahar ta' qabel u f'Marzu 2022.

F'Marzu, il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali u residenzjali naqsu meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu. Meta mqabbel max-xahar ta' qabel, il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali żdiedu filwaqt li dawk għal bini residenzjali naqsu.

F'April, in-numru ta' konvenji tela' sena fuq sena, filwaqt li naqas in-numru ta' kuntratti ta' bejgħ. Sadattant, it-tnejn naqsu meta mqabblin max-xahar ta' qabel.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 6.4% f'April, anqas mir-rata ta' 7.1% rreġistrata fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) battiet għal 5.8%, minn 7.0% f'Marzu.

F'Marzu, id‑defiċit tal‑Fond Konsolidat naqas meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif id-dħul tal‑Gvern żdied aktar mill-infiq.

It-tkabbir annwali fid-depożiti tar-residenti Maltin żdied b'rata inqas mgħaġġla ta' 1.6% f'Marzu. Sadattant, it‑tkabbir annwali fil‑kreditu lir‑residenti Maltin immodera għal 5.4%.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju