News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

12/05/2023

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika t-tieni ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2023

Il-Bank Ċentrali ta' Malta ppubblika t-tieni ħarġa tar-Rivista tiegħu ta' kull tliet xhur għas-sena 2023. Din l-edizzjoni tanalizza fid-dettall l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f'Malta u lil hinn minnha matul ir-raba' kwart tal-2022.

Matul dan il‑perjodu, l‑attività ekonomika baqgħet b'saħħitha, iżda battiet fir‑ritmu meta mqabbla mal-kwart ta' qabel, hekk kif it‑tkabbir annwali fil-prodott domestiku gross (PDG) reali batta għal 4.7% minn 5.3%. Il-moderazzjoni fit-tkabbir kienet fil-biċċa l-kbira sostnuta minn kontribut aktar negattiv mill-esportazzjoni netta, li għelbet żieda fil-kontribut tad-domanda domestika. Meta ġiet aġġustata għall-importazzjoni, id-domanda domestika baqgħet l-istimolu ewlieni tat-tkabbir, għalkemm il-kummerċ barrani kellu wkoll kontribut pożittiv.

It-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali kien stmat fil-livell ta' 6.3% fir-raba' kwart tal-2022, żieda mir-rata stmata fil-kwart ta' qabel. L‑istima tal‑Bank tad‑differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali baqgħet pożittiva, iżda naqset. Dan jindika li l-livell ta' użu żejjed tal‑kapaċità produttiva tal‑ekonomija batta xi ftit.

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju nnormalizza mill-ogħla livelli rreġistrati fl-ewwel nofs tal-2021, u kien eqreb tal-medja storika tiegħu.

L‑Indikatur tas‑Sentiment Ekonomiku tal‑Kummissjoni Ewropea niżel taħt il‑medja storika tiegħu, u taħt il‑livell irreġistrat fit‑tielet kwart tas‑sena. Minħabba f'hekk, l-Indikatur kien f'livell inqas minn dak fiż-żona tal-euro.

L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. Il-livelli tal-impjiegi u r-rati ta' impjieg żdiedu f'termini annwali. Sadattant, fil-livell ta' 2.9%, ir-rata tal‑qgħad baqgħet l-istess bħal dik irreġistrata fil-kwart ta' qabel, u taħt ir-rata ta' 3.0% rreġistrata sena qabel. Ir-rata tal-qgħad baqgħet ukoll taħt ir-rata medja ta' 6.7% għaż-żona tal-euro.

Iż-żieda fil‑prezzijiet għall‑konsumatur battiet xi ftit matul dan il-kwart, għalkemm l‑inflazzjoni baqgħet għolja minn perspettiva storika. L-inflazzjoni annwali, kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur, kienet fil-livell ta' 7.3% f'Diċembru, marġinalment taħt ir-rata ta' 7.4% rreġistrata f'Settembru. Inflazzjoni aktar baxxa fis-servizzi kienet il-fattur ewlieni għat-tnaqqis marġinali fl-inflazzjoni minn Settembru. Dan għeleb żieda fl-inflazzjoni tal-prodotti tal-ikel u dawk industrijali li mhumiex relatati mal-enerġija. L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss l-infiq minn residenti Maltin, niżlet bi ftit minn 7.5% f'Settembru għal 7.4% f'Diċembru.

Meta mkejjel fuq bażi ta' moving sum fuq erba' trimestri, il-bilanċ tal-gvern ġenerali rreġistra defiċit ta' 5.8% tal-PDG, żieda mir-rata ta' 5.7% rreġistrata fit-tielet kwart tal-2022. Sadattant, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG laħaq il-livell ta' 53.4% fl-aħħar ta' Diċembru 2022, żieda mil-livell ta' 52.9% rreġistrat f'Settembru. Is-sehem nett tal-valur finanzjarju tal-gvern fil-PDG tjieb ukoll fil-kwart kopert, filwaqt li baqa' negattiv.

Ir-Rivista tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ttieħdu mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Filwaqt li kompla jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax f'Ottubru, reġa' għolliehom f'Diċembru. Il-Kunsill Governattiv iddikjara li kien qed jistenna aktar żidiet sinifikanti fir-rati tal-imgħax minħabba inflazzjoni li għadha għolja ħafna, u fil-fatt tħabbru żidiet addizzjonali fl-ewwel xhur tal-2023.

Iż-żieda fir-rati tal-imgħax qed tiġi kkumplimentata b'miżuri mmirati lejn l-operazzjonijiet ta' kreditu u x-xiri ta' assi. F'Diċembru, il-BĊE ħabbar li minn Marzu 2023, l-Eurosistema mhux ser tinvesti mill-ġdid l-pagamenti prinċipali kollha mit-titoli li jkunu qed jimmaturaw taħt il-Programm ta' Xiri ta' Assi (APP).

Matul il-kwart, il-BĊE aġġusta wkoll ir-rati tal-imgħax applikabbli għall-operazzjonijiet speċifiċi ta' rifinanzjament fuq medda twila (TLTRO) III sabiex jiżgura l-konsistenza mal-pożizzjoni tal-politika monetarja, u offra dati addizzjonali ta' ħlas lura bikri lill-banek. Stabbilixxa wkoll il-kumpens tar-riżervi minimi fuq ir-rata tal-faċilità ta' depożitu tal-BĊE, u b'hekk ġabha eqreb tal-kundizzjonijiet tas-suq monetarju. Il-Kunsill Governattiv aċċenna wkoll l-intenzjoni tiegħu li jkompli jinvesti mill-ġdid il-pagamenti prinċipali minn titoli li jkunu qed jimmaturaw u li ġew mixtrija taħt il-programm ta' xiri ta' emerġenza pandemika (PEPP) sa mill-inqas sal-aħħar tal-2024.

Minbarra l-analiżi ekonomika regolari, ir-Rivista tippreżenta r-riżultati ta' studju li jevalwa l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-finanzi tal-households, ibbażat fuq l-aħħar edizzjoni tal-Istħarriġ dwar il-Finanzi u l-Konsum tal-Households. Studju ieħor janalizza jekk l-impatt ekonomiku taż-żieda fl-età tal-pensjoni f'Malta għandux bżonn jiġi eżaminat mill-ġdid fid-dawl tal-pandemija. Ir-Rivista tinkludi wkoll studju dwar ir-reazzjoni tal-ekonomija Maltija għall-iżviluppi fis-swieq globali tal-enerġija u fl-industrija marittima. Fl-aħħar nett, ir-Rivista tippreżenta artiklu dwar l-evoluzzjoni tal-irwol tan-nisa fis-suq tax-xogħol f'Malta.

It-tieni ħarġa tar-Rivista ta' kull tliet xhur għall-2023 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta' Malta.

Lura lejn l-Arkivju