News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

28/04/2023

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta joħroġ aġġornament ekonomiku ta’ April

L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozju tal-Bank jindika li f'Marzu, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali kien ogħla mill-medja kif stmata minn Jannar 2000.

L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta żdied f'Marzu meta mqabbel max-xahar ta' qabel, u kien ogħla mill-medja storika tiegħu, hekk kif imkejla minn Novembru 2002. Meta mqabbel max-xahar ta' qabel, is-sentiment żdied fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut, tas-servizzi u fl-industrija, iżda naqas fis-settur tal-kostruzzjoni u fost il-konsumaturi.

Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li f'Marzu l-aspettattivi tal-prezzijiet kienu ferm ogħla mil-livell tagħhom ta' sena ilu fis-settur tal-kostruzzjoni, u sa ċertu punt ukoll, fis-servizzi. B'kuntrast ma' dan, l-aspettattivi tal-prezzijiet fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u l-konsumaturi, kif ukoll fl-industrija kienu aktar baxxi.

L-Indikatur tal-Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta żdied f'Marzu, u dan jindika aktar inċertezza. L-inċertezza żdiedet l-aktar fis-settur tal-kostruzzjoni.

Fi Frar, it-tkabbir fil-produzzjoni industrijali żdied. It-tkabbir fil-volum tal-kummerċ bl-imnut baqa' b'saħħtu f'termini annwali, iżda kien aktar kajman meta mqabbel ma' Jannar. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 3.0% fi Frar, l-istess bħal dik irreġistrata fix-xahar ta' qabel, u marġinalment inqas minn dik ta' 3.1% irreġistrata fi Frar 2022.

Il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali u residenzjali naqsu fi Frar, meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu, iżda qabżu dawk maħruġa f'Jannar. F'Marzu, l-għadd ta' konvenji żdied fuq bażi annwali, filwaqt li n-numru ta' kuntratti ta' bejgħ naqas.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 7.1% f'Marzu, żieda minn 7.0% fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) naqset għal 7.0%, minn 7.1% fi Frar.

Fi Frar, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus meta mqabbel ma' defiċit fis-sena ta' qabel, hekk kif id-dħul tal-Gvern żdied filwaqt li l-infiq tal-gvern naqas bi ftit.

It-tkabbir annwali fid-depożiti ta' residenti Maltin żdied b'rata aktar kajmana ta' 3.6% fi Frar. Sadanittant, it-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti Maltin immodera għal 6.4%.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ huwa disponibbli hawnhekk.

Lura lejn l-Arkivju