News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2023

30/03/2023

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Marzu

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li fi Frar, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali baqa' f'livell kemxejn ogħla mill-medja storika, stmata sa minn Jannar 2000.

L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f’Malta tela’ ftit fi Frar meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, u kien ogħla mill-medja storika tiegħu, hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002. Meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, it-titjib kien fil-biċċa l-kbira xprunat mis-setturi tal-kostruzzjoni u s-servizzi. B’kuntrast, is-sentiment fis-settur tal-bejgħ bl-imnut sar wieħed negattiv.

Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li meta mqabblin ma' Jannar 2023, l-aspettattivi tal-prezzijiet fost il-konsumaturi kienu madwar il-livell tagħhom ta' sena ilu, l-istess kif kienu fl-industrija u s-servizzi, b'devjazzjonijiet akbar għaż-żewġ setturi l-oħra. B'mod partikolari, kienu ferm ogħla mil-livell ta' sena ilu fis-settur tal-kostruzzjoni, filwaqt li kienu ferm aktar baxxi fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas fi Frar. Dan jindika livell iżjed baxx ta' inċertezza, bl-akbar tnaqqis ikun fl-industrija.

F'Jannar, it-tkabbir fil-produzzjoni industrijali u l-volum tal-bejgħ bl-imnut baqgħu b'saħħithom f'termini annwali, iżda kienu aktar kajmana meta mqabbla ma' Diċembru 2022. Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta' 3.0% f'Jannar, marġinalment ogħla mir-rata ta' 2.9% rreġistrata fix-xahar ta' qabel, u l-istess bħal dik irreġistrata f'Jannar 2022.

Il-permessi maħruġa għal bini kummerċjali u dak residenzjali naqsu f'Jannar meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu iżda qabżu l-livelli ta' Diċembru. Fi Frar, in-numru ta' konvenji tela' abbażi ta' sena fuq sena, filwaqt li naqas in-numru ta' kuntratti ta' bejgħ.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 7.0% fi Frar, żieda minn 6.8% fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) żdiedet ukoll. Din telgħet għal 7.1% fi Frar, minn 6.9% f'Jannar.

F'Jannar, id-defiċit tal-Fond Konsolidat tela' meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif l-infiq tal-gvern tela' filwaqt li d-dħul tal-gvern baqa' b'mod ġenerali stabbli.

It-tkabbir annwali fid-depożiti tar-residenti Maltin żdied b'rata inqas mgħaġġla ta' 3.9% f'Jannar. Sadattant, it‑tkabbir annwali fil‑kreditu lir-residenti f'Malta mmodera wkoll għal 7.3%.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju