News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

23/12/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Diċembru

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li f'Novembru, it-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali tela' f'livell kemxejn ogħla mill-medja storika stmata minn Jannar 2000.

L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-sentiment tan-negozji juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta tela' bi ftit f'Novembru meta mqabbel max-xahar ta' qabel, iżda baqa' taħt il-medja storika tiegħu, hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002. Meta mqabbel ma' Ottubru, is-sentiment tjieb fis-setturi kollha apparti fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, fejn naqas b'mod sinifikanti.

Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li meta mqabblin ma' Ottubru, l-aspettattivi tal-prezzijiet żdiedu fl-industrija u l-kostruzzjoni, iżda naqsu fis-setturi l-oħra.

L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas f'Novembru u jindika livell iżjed baxx ta' inċertezza. Dan naqas l-aktar fl-industrija, bi tnaqqis iżgħar irreġistrat fis-setturi produttivi l-oħra. Madankollu, l-inċertezza żdiedet fost il-konsumaturi.

F'Ottubru, il-produzzjoni industrijali u kif ukoll il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdiedu b'ritmu inqas mgħaġġel f'termini annwali. 

Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta' 3.1% f'Ottubru, marġinalment ogħla minn dik irreġistrata f'Settembru u sena qabel.

F'Ottubru, kien hemm tnaqqis fil-permessi maħruġa għal bini kummerċjali meta mqabblin mal-livelli ta' sena ilu, filwaqt li żdiedu l-permessi maħruġa għal bini residenzjali. F'Novembru, kemm in-numru ta' konvenji u kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ naqas meta mqabbel ma' sena ilu.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 7.2% f'Novembru, marġinalment taħt 7.4% rreġistrata fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) naqset ukoll mix-xahar ta' qabel għal 7.1% f'Novembru, minn 7.5% f'Ottubru.

F'Ottubru 2022, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif id-dħul tal-Gvern żdied b'ritmu iktar mgħaġġel mill-infiq. 

It-tkabbir annwali fid-depożiti ta' residenti żdied b'rata inqas mgħaġġla ta' 6.8% f'Ottubru. Sadattant, it-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti f'Malta batta wkoll għal 8.1%. Sal-aħħar tax-xahar, taħt l-Iskema ta' Garanzija relatata mal-COVID-19 tal-Bank Malti ta' Żvilupp (MDB), kien hemm 622 faċilità approvati u li għadhom pendenti. Dawn jissarrfu f'ammont totali ta' €482.6 miljun. Sa Ottubru ġew approvati tliet faċilitajiet ta' self permezz tal-iskema ġdida ta' self issussidjat tal-MDB immirata lejn importaturi u bejjiegħa bl-ingrossa tal-qamħ u l-għalf tal-annimali, bl-ammont ta' self totali ssanzjonat jkun ta' €14.2 miljun. B'kuntrast ma' dan, l-ebda faċilità ma ġiet approvata taħt l-Iskema ta' Appoġġ Garantit ta' Likwidità (LSGS) tal-MDB imnedija b'reazzjoni għall-kriżi fl-Ukrajna.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju