News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
12/12/2022
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika r-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2022
Il-Bank Ċentrali ta' Malta għadu kif ippubblika r-Rapport Interim dwar l-Istabbiltà Finanzjarja 2022, fejn jagħti ħarsa lejn l-iżviluppi fis-sistema finanzjarja domestika għall-ewwel sitt xhur tal-2022.
Is‑sistema finanzjarja ta' Malta baqgħet reżiljenti għall‑iżviluppi makroekonomiċi globali negattivi u għal aktar riskji ġeopolitiċi minħabba l‑gwerra fl‑Ukrajna. L‑inflazzjoni għoliet b'mod sinifikanti u din waslet sabiex il‑banek ċentrali madwar id‑dinja jissikkaw il-politika monetarja tagħhom fi sforz biex tiġi indirizzata l-inflazzjoni fis-snin li ġejjin. Minkejja dan, l‑ekonomija Maltija kompliet tikber b'ritmu mgħaġġel u qed tirkupra mill‑pandemija u, għall-ġejjieni, it‑tkabbir mistenni li jkun eqreb lejn il‑potenzjal tagħha. Il-miżuri meħuda mill-Gvern għandhom l-għan li jżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli sabiex jipproteġu lill-konsumaturi bl-iskop li jtaffu l-impatt negattiv fuq id-domanda domestika, u jipproteġu lin-negozji minn żidiet fl-ispejjeż. Madankollu, kundizzjonijiet aktar ibsin fuq self jistgħu jkollhom impatt fuq l-ispejjeż u l-kapaċità tad-debituri biex iħallsu lura s-self. Fil-fatt, din l-edizzjoni tar-Rapport Interim tinkludi analiżi dwar l-impatt potenzjali ta' żidiet fir-rati tal-imgħax fuq il-ħlasijiet lura ta' self mill-familji fuq proprjetà. Il‑portafolli tas‑self tal‑banek Maltin s'issa ma wrew l‑ebda sinjal ta' deterjorament fil‑kwalità tas-self, bil‑proporzjon totali tagħhom ta' self li ma jrendix (NPLs) jonqos għal 2.9%, filwaqt li ġie osservat li b'kawtela komplew iżidu l-provvedimenti sabiex jilqgħu għal effetti negattivi li jistgħu jirriżultaw minn tnaqqis fil-kwalita tal-kreditu.
Il‑banek Maltin baqgħu kkapitalizzati tajjeb filwaqt li l-profittabbiltà tagħhom tjiebet, hekk kif irrapportaw qligħ ogħla kemm mill‑intermedjazzjoni kif ukoll minn dividendi, tariffi u kummissjonijiet. Barra dan, it‑testijiet tal‑istress tal‑Bank Ċentrali ta' Malta juru li l‑banek Maltin baqgħu reżiljenti l‑aktar minħabba l‑qagħda b'saħħitha fil-kapital u likwidità tagħhom. Madankollu, għall-ġejjieni, kwalunkwe qligħ miksub minn żidiet fir-rati tal-imgħax jista' jisfuma minn volumi ta' kreditu aktar baxxi jew ħtiġijiet addizzjonali biex jiżdiedu aktar il-provvedimenti fuq is-self. Il-livell ta' self baqa' b'saħħtu matul il-perjodu analizzat, xprunat primarjament minn tkabbir sostnut min self għal xiri ta' proprjetà residenzjali. Ir‑Rapport jenfasizza ż‑żieda fir‑riskju tal‑konċentrazzjoni fil‑portafolli tas‑self tal‑banek, li hu rifless f'dan it‑tkabbir ta' self fuq proprjetà, flimkien ma' riskji sistemiċi ċikliċi oħrajn li jirriżultaw minn żviluppi fis‑suq tal‑proprjetà.
L-inflazzjoni għolja u l-volatilità tas-suq affettwaw ukoll is-swieq finanzjarji li, min-naħa tagħhom, kellhom impatt fuq il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi ta' investiment b'rilevanza lokali. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni rrapportaw profitti aktar baxxi minħabba telf fuq l-investimenti tagħhom. Barra minn hekk, l-inflazzjoni tista' żżid l-ispejjeż fi klejms iktar għoljin għal kumpaniji tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja (non-life insurance), filwaqt li kumpaniji tal-assigurazzjoni tal-ħajja (life insurance) jistgħu jibbenefikaw minn żidiet fir-rata tal-imgħax minħabba n-natura ta' dawn l-investimenti li hi bbażata fuq perjodu ta' żmien itwal. Minkejja dawn l-isfidi, il-livelli tal-kapital tagħhom baqgħu b'saħħithom. Bl-istess mod, il-fondi ta' investiment irrapportaw valutazzjonijiet netti tal-assi aktar baxxi, iżda madankollu komplew joperaw fuq metriċi ewlenin sodi, b'livell ta' dejn limitat. Il-flus u d-depożiti tagħhom żdiedu wkoll u dan itaffi kwalunkwe tħassib dwar il-likwidità għal dawn il-fondi.
Filwaqt li s-settur bankarju Malti huwa b'saħħtu, ir-riskji negattivi ġejjin minn barra l-pajjiż u, minn vulnerabbiltajiet eżistenti, jistgħu jkunu ta' sfida fil-profittabbiltà tas-settur. Għall-entitajiet mhux bankarji, il-fondi ta' investiment jeħtieġ li jkomplu jissorveljaw il-likwidità, filwaqt li s-settur tal-assigurazzjoni jeħtieġ li jżomm għajnejh fuq ir-riskji tas-suq u ta' likwidità, fost il-volatilità għolja tas-swieq u l-inċertezza li jġibu magħhom. Is-severità u l-intensità tal-materjalizzazzjoni tar-riskji fiż-żona tal-euro jiddependu fuq ix-xenarju makroekonomiku, fuq it-tul tal-kriżi tal-enerġija madwar l-UE u konsegwenzi oħra tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Ir-Rapport jirrakkomanda li s-settur finanzjarju Malti għandu jibqa' viġilanti għal riskji, inklużi dawk li jirriżultaw mill-operat bħat-theddid ċibernetiku, kif ukoll żviluppi relatati mat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, il-banek għandhom ikomplu jkunu kawti u prudenti fuq għotji tas-self, fl-implimentazzjoni tal-livelli ta' provvedimenti, u d-distribuzzjoni ta' dividendi sabiex jissaħħu r-riservi u l-kapital tagħhom.
Lura lejn l-Arkivju