News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
02/12/2022
Ħidma sfiqa għall-istabbiltà fil-prezzijiet u dik finanzjarja
Il-Professur Edward Scicluna, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, indirizza lill-mistednin tal-ikla annwali tal-Istitut għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta.

Fid-diskors tiegħu, il-Gvernatur għamel referenza għal kif ix-xenarju ekonomiku nbidel mill-aħħar ikla annwali meta l-ekonomiji bdew jerġgħu jiftħu bil-mod il-mod wara l-kaos li kienet ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 filwaqt li r-rati tal-imgħax tal-politika monetarja fl-ekonomiji avvanzati ewlenin kienu għadhom negattivi jew kemxejn pożittivi. Dan kollu meta l-inflazzjoni kienet mistennija li terġa' lura għal livelli moderati.
Sfortunatament, il-gwerra fl-Ukrajna amplifikat in-nuqqas ta' ċerti prodotti u kkawżat xokk fil-prezz tal-enerġija li kien bla preċedent. Dan kellu effett sproporzjonat fl-Ewropa, tant li r-rata tal-inflazzjoni telgħet għal aktar minn 10% għall-ewwel darba f'għexieren ta' snin.
L-inflazzjoni baqgħet ukoll fuq xejra 'l fuq f'Malta, minkejja s-sussidji ġenerużi li żammew il-prezzijiet tal-fjuwil bl-ingrossa u bl-imnut u tal-elettriku fil-livelli tal-2019. L-inflazzjoni tal-ikel kienet biss moderatament taħt dik fiż-żona tal-euro filwaqt li l-prodotti industrijali li mhumiex relatati mal-enerġija (NEIG) u l-inflazzjoni fis-servizzi qabżu l-medji korrispondenti taż-żona tal-euro. B'mod partikolari, l-inflazzjoni fis-servizzi f'Malta laħqet il-medja ta' 5.8% minn Jannar 'l hawn, ferm ogħla mir-rata ta' 3.4% rreġistrata għaż-żona tal-euro.
Madankollu, filwaqt li mistenni li l-attività ekonomika domestika tnaqqas gradwalment matul it-trimestri attwali u li ġejjin, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tbassar li Malta mistennija jkollha t-tieni l-ogħla rata ta' tkabbir fiż-żona tal-euro, filwaqt li r-rata tal-qgħad għadha inqas mir-rata l-aktar baxxa rreġistrata qabel il-pandemija.
Fir-rigward tal-politika monetarja, ir-rati tal-imgħax huma mistennija li jkunu l-għodda ewlenija sabiex jintlaħaq l-għan tagħna li nankraw l-aspettattivi inflazzjonarji qrib ir-rata ta' 2%. Madankollu, in-normalizzazzjoni trid tiġi kkumplimentata bin-normalizzazzjoni fil-livelli tal-balance sheet. L-aħħar żidiet fir-rati ser ikomplu jiġu kkumplimentati bi tnaqqis fl-investimenti fl-assi monetarji tal-Eurosistema. Dan bla dubju ser ibiddel ix-xenarju tal-finanzjament li dawk li jissellfu kienu mdorrija bih, bl-aktar impatt immedjat ser ikun fuq is-swieq tal-flus u l-yields fuq bonds tal-gvern u li aktar tard mistennija jaffettwaw l-ispiża tad-dejn tal-banek u tal-kumpaniji. Filwaqt li f''Malta t-trażmissjoni tal-aħħar impulsi monetarji fuq ir-rati tal-imgħax bankarji fuq self u depożiti tidher pjuttost kajmana, il-yields fuq bonds tal-gvern f'Malta diġà bdew jiżdiedu. Dawn iż-żidiet u l-kundizzjonijiet għall-finanzjament aktar stretti barra mill-pajjiż eventwalment ser jiġu riflessi f'żieda fl-ispiża tal-finanzjament għall-banek domestiċi, kif ukoll għall-households u l-kumpaniji.
It-trażmissjoni ta' kundizzjonijiet monetarji aktar stretti fir-rati tal-imgħax li l-banek joffru lill-klijenti tagħhom hija meħtieġa sabiex l-inflazzjoni terġa' lura għall-mira tal-politika monetarja ta' 2% fi żmien xieraq. Iżda l-atturi tal-politika jeħtieġu wkoll jagħtu sehemhom, b'mod partikolari, bl-appoġġ fiskali li għandu jkun temporanju u mmirat, sabiex b'hekk jiġi evitat li jistimula d-domanda għal aktar żmien milli meħtieġ.
Fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja u l-politika makroprudenzjali, il-Gvernatur qal li bħala awtoritajiet makroprudenzjali, jeħtieġ li niżguraw li s-sistemi bankarji tagħna jkunu reżiljenti kontra l-materjalizzazzjoni tar-riskji, li tibqa' għolja fiż-żona tal-euro. L-awtoritajiet makroprudenzjali għandhom jibqgħu leali lejn dan l-għan ewlieni tagħhom - dak li jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja, bl-istess mod li l-awtoritajiet monetarji jeħtieġu li jibqgħu leali għall-istabbiltà fil-prezzijiet.
Bħall-kontropartijiet tagħhom fiż-żona tal-euro, il-banek saħħew il-balance sheets u l-livelli tal-kapital tagħhom f'dawn l-aħħar snin, u dan jiżgura li s-settur huwa mħejji tajjeb sabiex jadatta għar-riskji kif u meta jimmaterjalizzaw. It-testijiet tal-istress tal-Bank jikkonfermaw ukoll li l-kapital jibqa' f'livell ogħla mir-rekwiżiti regolatorji anki f'xenarji estremi, u li l-banek qed joperaw b'bafers ta' likwidità b'saħħithom filwaqt li l-profittabbiltà qed titjieb ukoll. Għalhekk issa huwa ż-żmien opportun li jissaħħu l-bafers kapitali, aktar milli jkun hemm bżonn li jerġgħu jinbnew f'ambjent potenzjalment inqas benevoli f'xi punt fil-futur.
Il-Professur Scicluna temm l-indirizz tiegħu fuq nota pożittiva billi qal li f'Novembru, ir-rata tal-inflazzjoni madwar il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi taż-żona tal-euro inkluża Malta naqset għall-ewwel darba fi sbatax-il xahar u li r-reċessjoni tant mistennija fi tmiem din is-sena tista' ma sseħħx wara kollox. Il-Gvernatur Scicluna ikkonkluda billi qal li "il-BĊE mhux ser ikompli jżid ir-rati tal-imgħax.? ...mhux bilfors".

Ritratti: Daniel Cardona
Lura lejn l-Arkivju