News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
25/11/2022
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Novembru
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali niżel ftit taħt il-medja storika stmata minn Jannar 2000.
L-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta kompla jonqos f'Ottubru meta mqabbel max-xahar ta' qabel u kien taħt il-medja storika tiegħu, hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002. Meta mqabbel ma' Settembru, is-sentiment iddeterjora fis-setturi kollha apparti fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, fejn żdied b'mod sinifikanti, għalkemm minn livell baxx.
Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li meta mqabblin ma' Settembru, l-aspettattivi tal-prezzijiet żdiedu fis-setturi kollha, l-aktar fost il-konsumaturi.
L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta tela' bi ftit f'Ottubru u għalhekk jindika livell ogħla ta' inċertezza. Dan żdied l-aktar fis-servizzi u l-industrija, b'żieda iżgħar irreġistrata fis-settur tal-kostruzzjoni. Filwaqt li l-inċertezza baqgħet l-istess fost il-bejjiegħa, din naqset fost il-konsumaturi.
F'Settembru, il-produzzjoni industrijali u kif ukoll il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdiedu b'ritmu aktar mgħaġġel f'termini annwali.
Ir-rata tal-qgħad telgħet marġinalment minn dik irreġistrata f'Awwissu, għal 3.0%, iżda baqgħet taħt dik ta' sena qabel.
Il-permessi għal bini residenzjali u kummerċjali naqsu f'Settembru, meta mqabblin mal-livelli ta' sena ilu. F'Ottubru, kemm in-numru ta' konvenji u kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ żdiedu minn sena għal sena.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 7.4% f'Ottubru, l-istess mix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) ukoll ma nbidlitx mix-xahar ta' qabel, u baqgħet fil-livell ta' 7.5% f'Ottubru.
F'Settembru 2022, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif żdied id-dħul tal-Gvern u l-infiq naqas marġinalment.
It-tkabbir annwali fid-depożiti ta' residenti aċċellera għal 8.4% f'Settembru. Sadattant, it-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti f'Malta rpilja wkoll għal 8.8%. Sal-aħħar tax-xahar, taħt l-Iskema ta' Garanzija relatata mal-COVID-19 tal-Bank Malti ta' Żvilupp (MDB), kien hemm 622 faċilità approvati u li għadhom pendenti. Dawn jissarrfu f'ammont totali ta' €482.6 miljun. Sa Settembru ġew approvati tliet faċilitajiet ta' self permezz tal-iskema ġdida ta' self issussidjat tal-MDB immirata lejn importaturi u bejjiegħa bl-ingrossa tal-qamħ u l-għalf tal-annimali, bl-ammont ta' self totali ssanzjonat jkun ta' €14.2 miljun.
F'Ġunju, l-MDB nieda l-Iskema ta' Appoġġ Garantit ta' Likwidità (LSGS) biex tipprovdi appoġġ addizzjonali ta' likwidità b'reazzjoni għall-kriżi tal-Ukrajna. Din l-iskema tikkonsisti f'żewġ miżuri: LSGS-A tipprovdi appoġġ finanzjarju mill-banek lill-impriżi kollha affettwati mill-kriżi, filwaqt li LSGS-B hi speċifika għall-importaturi tal-fjuwil u ż-żejt. L-ebda faċilità ma ġiet approvata sa Settembru.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju