News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
11/11/2022
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta jindirizza s-seminar annwali tal-IFS
F’konformità mal-istrateġija tal-Eurosistema, il-Bank Ċentrali ta’ Malta beħsiebu jikkontribwixxi għal emissjonijiet żero netti billi jaġġusta l-qafas tal-politika tiegħu favur emissjonijiet baxxi ta’ CO2, u billi jtejjeb ir-reżiljenza tal-ekonomija għal avvenimenti relatati mal-klima. Għal dan il-għan, l-Eurosistema ser taġġusta l-investimenti tagħha f’bonds korporattivi lejn emittenti bi prestazzjoni klimatika aħjar u ser taqsam l-għarfien espert tagħha biex trawwem l-adozzjoni tal-aħjar prattiki. L-involviment tal-atturi privati ser ikun essenzjali biex tiġi ffinanzjata t-tranżizzjoni għal żero netti sal-2050.
Dawn l-isforzi ser jissalvagwardjaw il-ġid pubbliku bi prezzijiet stabbli filwaqt li jrawmu t-tranżizzjoni għall-ġid pubbliku ta’ ambjent nadif.
Din kienet il-konklużjoni ewlenija tad-diskors tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Edward Scicluna, waqt is-seminar annwali tal-Istitut tas-Servizzi Finanzjarji “The ESG Journey: a Pulse Check for the Maltese Economy” fil-11 ta’ Novembru 2022.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna
Il-kelliema l-oħrajn fis-seminar kienu l-Onor. Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Dr Miriam Dalli, il-Kap tas-Superviżjoni Bankarja tal-MFSA, Mr David Eacott, Mr Grant Ashby, Speċjalista fil-London Stock Exchange Group u Alexandrina Boyanova, Kap tal-Uffiċċju għall-Klima fil-Bank Ewropew tal-Investiment.
Fl-intervent tiegħu, il-Gvernatur Scicluna ffoka dwar l-ambjent u fuq it-trasformazzjonijiet fundamentali li għandna quddiemna, peress li huwa dejjem aktar evidenti li t-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-akbar theddidiet li qed tiffaċċja l-umanità f’dan is-seklu.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta jindirizza s-seminar annwali tal-IFS
(Ritratti: Melvin Bugeja)
Lura lejn l-Arkivju