News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
04/11/2022
Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta jindirizza l‑Konferenza Annwali tal‑Banek Ċentrali Mediterranji f’Istanbul
Il‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta' Malta, il‑Professur Edward Scicluna, indirizza l‑Konferenza Annwali tal‑Banek Ċentrali Mediterranji li saret f'Istanbul it‑Turkija, fil‑31 ta' Ottubru 2022.
Din il-konferenza konġunta intitolata 'Building Resilience in Uncertain Times: Safeguarding Financial Stability, Encouraging Investments - A View from the Mediterranean Countries' ġiet organizzata mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), Banco de España, u l-Istitut Ewropew tal-Mediterran (IEMed). Il-konferenza konġunta saret fiċ-Ċentru ta' Istanbul tal-OECD għar-Relazzjonijiet Globali.
Il-Gvernatur Scicluna ħa sehem f'sessjoni tal-konferenza/diskussjoni bit-titlu 'Central Banks on the way out of the COVID-19 crisis but facing new global challenges' li kienet ippreseduta minn Prof. Şahap Kavcıoğlu, Gvernatur tal-Bank Ċentrali tar-Repubblika tat-Turkija mal-kelliema parteċipanti Boris Vujčić, Gvernatur tal-Bank Nazzjonali tal-Kroazja u Saddek Omar Ali Elkaber, Gvernatur tal-Bank tal-Libja. Is-sessjoni ffukat dwar l-isfidi l-ġodda li l-banek ċentrali qed jiffaċċjaw fl-2022, jiġifieri r-rabta bejn iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel, iż-żieda fil-pressjonijiet inflazzjonarji u l-kwistjoni tal-inċertezza dwar l-iżviluppi ekonomiċi futuri u l-irwol tal-banek ċentrali fost it-tensjonijiet ġeopolitiċi attwali.
Fl‑intervent tiegħu, il‑Gvernatur Scicluna tkellem dwar l‑isfidi li dawk li jfasslu l‑politika monetarja qed jiffaċċjaw fl‑ambjent makroekonomiku u ġeopolitiku attwali, u l‑obbligu li l‑pajjiżi tal‑Mediterran sabiex jispjegaw il‑pożizzjoni rispettiva tagħhom u r‑rilevanza tagħha għal dan ir‑reġjun. Dan huwa partikolarment hekk peress li l-instabbiltà finanzjarja fi kwalunkwe pajjiż ma tgħinx biex ir-reġjun sħiħ ikun attraenti f'għajnejn l-investitur. Il‑Gvernatur enfasizza l‑importanza li d‑deċiżjoni biex tiġi indirizzata l-inflazzjoni għolja għandha tkun flessibbli biex tindirizza l‑effetti sekondarji possibbli min‑normalizzazzjoni tal‑politika.
Fl‑għeluq, il‑Gvernatur tenna li l‑politika fiskali għandha tintuża biex tappoġġa lil dawk l‑aktar vulnerabbli permezz ta' miżuri mmirati u temporanji sabiex l‑isforz tal‑banek ċentrali biex tiġi stabbilita mill-ġdid l‑istabbiltà tal‑prezzijiet ma tkunx ipperikolata. Fil-livell internazzjonali, hemm skop għal aktar kooperazzjoni sabiex jiġu evitati riskji għall-istabbiltà finanzjarja milli jimmaterjalizzaw u biex l-inflazzjoni tinżel mingħajr ma jiġi pperikolat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

Il-Gvernatur Edward Scicluna flimkien ma’ parteċipanti oħra
waqt il-Konferenza Annwali tal-Banek Ċentrali Mediterranji
Lura lejn l-Arkivju