News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
26/10/2022
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Ottubru
L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju għal Settembru jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali rritorna għall-medja storika stmata minn Jannar 2000.
L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta kompla nieżel f'Settembru meta mqabbel max-xahar ta' qabel u kien taħt il-medja storika tiegħu, hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002. Meta mqabbel ma' Awwissu, is-sentiment iddeterjora b'ritmu b'saħħtu fis-settur tas-servizzi u, b'rata inqas qawwija, fis-settur tal-kostruzzjoni. B'kuntrast, is-sentiment tjieb b'mod sinifikanti fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, fl-industrija u, f'livell inqas, fost il-konsumaturi.
L-istħarriġ juri wkoll li meta mqabblin ma' Awwissu, l-aspettattivi tal-prezzijiet żdiedu b'mod sinifikanti fl-industrija, iżda niżlu fis-setturi l-oħra.
L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas f'Settembru u jindika livell iżjed baxx ta' inċertezza. Ġie irreġistrat tnaqqis fl-inċertezza fis-settur tas-servizzi u fost il-konsumaturi.
F'Awwissu, il-produzzjoni industrijali żdiedet b'ritmu aktar mgħaġġel f'termini annwali. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b'rata inqas mgħaġġla minn sena qabel.
Ir-rata tal-qgħad kienet fil-livell ta' 2.9% f'Awwissu, l-istess bħal xahar qabel, u l-aktar rata baxxa qatt irreġistrata.
Il-permessi għal bini residenzjali u kummerċjali żdiedu f'Awwissu meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu. F'Settembru, kemm in-numru ta' konvenji u kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ naqsu minn sena għal sena.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 7.4% f'Settembru, żieda minn 7.0% fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet ukoll għal 7.5% f'Settembru minn 7.0% xahar qabel.
F'Awwissu 2022, il-Fond Konsolidat irreġistra surplus akbar meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif naqas l-infiq tal-gvern.
It-tkabbir annwali fid-depożiti ta' residenti baqa' b'saħħtu f'Awwissu, għalkemm immodera għal 7.2%. Sadattant, it-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti f'Malta żdied b'rata iktar mgħaġġla ta' 8.2%. Sal-aħħar tax-xahar, taħt l-Iskema ta' Garanzija relatata mal-COVID-19 tal-Bank Malti ta' Żvilupp (MDB), kien hemm 622 faċilità approvati u li għadhom pendenti. Dawn jissarrfu f'ammont totali ta' €482.6 miljun. Sa Awwissu ġew approvati tliet faċilitajiet ta' self permezz tal-Iskema ġdida ta' Self Issussidjat tal-MDB immirata lejn importaturi u bejjiegħa bl-ingrossa tal-qamħ u l-għalf tal-annimali, bl-ammont ta' self totali ssanzjonat jkun ta' €15.6 miljun.
F'Ġunju, l-MDB nieda l-Iskema ta' Appoġġ Garantit ta' Likwidità (LSGS) biex tipprovdi appoġġ addizzjonali ta' likwidità b'reazzjoni għall-kriżi tal-Ukrajna. Din l-iskema tikkonsisti f'żewġ miżuri: LSGS-A tipprovdi appoġġ finanzjarju mill-banek lill-impriżi kollha affettwati mill-kriżi, filwaqt li LSGS-B hi speċifika għall-importaturi tal-fjuwil u ż-żejt. L-ebda faċilità ma ġiet approvata sa Awwissu.
L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju