News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
29/09/2022
‘Resilience in Uncertain Times’ – L-Ewwel Tnedija mill-Bank Ċentrali ta’ Malta relatata mar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja
L-ewwel tnedija li qatt saret mill-Bank Ċentrali ta’ Malta relatata mar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja (FSR), bit-titlu ‘Financial Stability Report 2021 – Resilience in Uncertain Times’, saret fid-29 ta’ Settembru 2022 fil-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Belt Valletta.

Ritratt: Melvin Bugeja
L-FSR huwa r-rapport ewlieni tal-Bank dwar l-istabbiltà finanzjarja f’Malta u t-tnedija, li hija l-ewwel waħda ta’ dan it-tip, tiffoka dwar l-erbatax-il edizzjoni ppubblikata riċentement. L-FSR jevalwa l-iżviluppi fl-2021 rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja domestika, li jkopru l-attivitajiet tal-banek, kif ukoll l-assigurazzjonijiet u l-fondi ta’ investiment b’rilevanza lokali.

Ritratt: Melvin Bugeja
Fl-indirizz tiegħu tal-ftuħ, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Scicluna qal: “Hija l-intenzjoni tagħna li nagħmlu l-konklużjonijiet ewlenin aktar magħrufa mal-pubbliku, peress li l-ħajja ta’ kuljum tan-nies tiddependi fuq l-istabbiltà finanzjarja. Qed nippruvaw ukoll nużaw mezzi aktar kontemporanji sabiex inwasslu l-messaġġi ewlenin tagħna u biħsiebna nintensifikaw dan l-isforz, u nimxu ’l quddiem.”

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Professur Scicluna (Ritratt: Melvin Bugeja)
Fid-diskors ewlieni tiegħu waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Finanzi u l-Impjiegi, l-Onorevoli Clyde Caruana tkellem dwar l-importanza tal-istabbiltà fiskali. Wara dan l-indirizz, saret preżentazzjoni minn Alan Cassar, Chief Officer Financial Stability and Statistics Division fi ħdan il-Bank, li enfasizza l-punti ewlenin tal-FSR 2021. Żewġ esperti mill-Bank dwar l-istabbiltà finanzjarja, Andrew Spiteri u David Stephen Law, taw preżentazzjonijiet intitolati, ‘Cyclical risk developments in Malta’ u ‘Incorporating climate risk into an adverse scenario for Malta’, rispettivament.

Il-Ministru għall-Finanzi u l-Impjiegi, l-Onorevoli Clyde Caruana (Ritratt: Matthew Cesareo)
Fir-rimarki tiegħu tal-għeluq, id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta Oliver Bonello qal li minkejja dawn iż-żminijiet inċerti, is-sistema finanzjarja Maltija baqgħet reżistenti. Madankollu, l-isfidi jibqgħu b’mod partikolari fir-rigward taż-żieda fil-konċentrazzjoni fil-portafolli tas-self tal-banek u d-deterjorament potenzjali fil-kwalità tal-assi. Il-biċċa l-kbira tar-riskji identifikati mhumiex esklussivi għal Malta u xi wħud huma konformi mat-tendenzi li qed jiġu osservati madwar l-Ewropa. Madankollu, kwalunkwe vulnerabbiltajiet li qed jiżdiedu ma jistgħux jiġu injorati u jista’ jkun hemm bżonn li jiġu indirizzati permezz ta’ rispons politiku mmirat għas-suċċess u l-istabbiltà kontinwi tas-settur finanzjarju.

Id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta Oliver Bonello (Ritratt: Melvin Bugeja)
Lura lejn l-Arkivju