News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

27/09/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Settembru

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju għal Awwissu jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali jinsab viċin ħafna tal-medja storika stmata sa minn Jannar 2000.

L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta niżel f'Awwissu meta mqabbel max-xahar ta' qabel u kien taħt il-medja storika tiegħu, hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002. Meta mqabbel ma' Lulju, is-sentiment iddeterjora sew fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u, b'rata inqas qawwija, fl-industrija u fost il-konsumaturi. Min-naħa l-oħra, is-sentiment tjieb fis-setturi tas-servizzi u l-kostruzzjoni.

L-istħarriġ  juri wkoll li meta mqabblin ma' Lulju, l-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fl-industrija u l-kostruzzjoni, iżda żdiedu fis-setturi l-oħra. L-akbar żieda ġiet irreġistrata fis-settur tas-servizzi.

L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta żdied meta mqabbel ma' Lulju u jindika żieda fl-inċertezza. Dan kien xprunat l-aktar mis-settur tas-servizzi.

F'Lulju, il-produzzjoni industrijali żdiedet f'termini annwali, wara tnaqqis fix-xahar ta' qabel. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied minn sena għal sena.

Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 2.9% f'Lulju, l-istess bħal xahar qabel, u l-aktar rata baxxa qatt irreġistrata.

Il-permessi għal bini kummerċjali u residenzjali naqas f'Lulju, meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu. F'Awwissu, kemm il-konvenji u kif ukoll il-kuntratti ta' bejgħ żdiedu meta mqabbla ma' sena ilu, għalkemm dawn kienu inqas minn ta' Lulju.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet ta' 7.0% f'Awwissu, aktar minn 6.8% fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet ukoll għal 7.0% f'Awwissu minn 6.8% xahar qabel.

F'Lulju 2022, id-defiċit tal-Fond Konsolidat naqas bi ftit meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif l-infiq tal-Gvern naqas filwaqt li d-dħul żdied bi ftit.

It-tkabbir annwali fid-depożiti ta' residenti baqa' b'saħħtu f'Lulju u żdied bir-rata annwali ta' 7.8%. Sadattant, it-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti f'Malta żdied marġinalment għal 7.2%. Sal-aħħar tax-xahar, taħt l-Iskema ta' Garanzija relatata mal-COVID-19 tal-Bank Malti ta' Żvilupp (MDB), kien hemm 622 faċilità approvati u li għadhom pendenti. Dawn jissarfu f'ammont totali ta' €482.6 miljun. Sa Lulju ġew approvati tliet faċilitajiet ta' self permezz tal-Iskema ġdida ta' Self Issussidjat tal-MDB immirata lejn importaturi u bejjiegħa bl-ingrossa tal-qamħ u l-għalf tal-annimali, bl-ammont ta' self totali ssanzjonat jitla' għal €15.6 miljun.

F'Ġunju, l-MDB nieda l-Iskema ta' Appoġġ Garantit ta' Likwidità (LSGS) biex tipprovdi appoġġ addizzjonali ta' likwidità b'reazzjoni għall-kriżi tal-Ukrajna. Din l-iskema tikkonsisti f'żewġ miżuri: LSGS-A tipprovdi appoġġ finanzjarju mill-banek lill-impriżi kollha affettwati mill-kriżi, filwaqt li LSGS-B hi speċifika għall-importaturi tal-fjuwil u ż-żejt. L-ebda faċilità ma ġiet approvata sa Lulju.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju