News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

06/09/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Bank Ewropew tal-Investiment ospitaw Konferenza ‘Finanzjament tat-Tranżizzjoni lejn Ekonomija Newtrali tal-Karbonju’

   EIB Logo                             CBM Logo

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta (il-Bank) flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) organizzaw flimkien konferenza ibrida bit-titolu “Finanzjament tat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju”. Din saret it-Tnejn 5 ta’ Settembru 2022 fil-Bank Ċentrali ta’ Malta fil-Belt Valletta. 

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment organizzaw flimkien konferenza ibrida

Il-Gvernatur tal-Bank, il-Professur Edward Scicluna, għamel il-kummenti tal-ftuħ tiegħu. Hu kien segwit mill-Viċi President tal-BEI, Gelsomina Vigliotti li qalet kif il-konferenza tal-lum, organizzata mill-Bank Ewropew tal-Investiment flimkien mal-Bank Ċentrali ta’ Malta, hija opportunità unika biex tenfasizza l-ħtiġijiet ta’ investiment għall-pajjiż u n-negozji tiegħu biex jippromwovu futur ekoloġiku u sostenibbli.

Il-Gvernatur tal-Bank, il-Professur Edward Scicluna

Il-Gvernatur tal-Bank, il-Professur Edward Scicluna

Viċi President tal-BEI, Gelsomina Vigliotti

Il-Viċi President tal-BEI, Gelsomina Vigliotti

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli fl-indirizz tagħha, enfasizzat il-fatt li element indispensabbli fid-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna huwa l-amministrazzjoni ta’ faċilitaturi finanzjarji ewlenin bħall-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ċentrali ta’ Malta. “Dan għaliex l-industrija finanzjarja żżomm il-kapital meħtieġ għal din it-tranżizzjoni storika u jeħtieġ li niżguraw li kemm il-politika fiskali kif ukoll dik monetarja jappoġġjaw dan il-fluss ta’ kapital lejn proġetti ekoloġiċi u industriji sostenibbli.”

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli

L-Ekonomista Ewlienija tal-BEI, Debora Revoltella, ippreżentat ir-riżultati ewlenin mill-Istħarriġ dwar l-Investiment tal-2021. L-istħarriġ joffri għarfien uniku dwar ix-xenarju tal-investiment korporattiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-prijoritajiet ta’ investiment tad-ditti u r-restrizzjonijiet li jiffaċċjaw. L-edizzjoni tal-2021 tal-istħarriġ juri x-xokk enormi tal-kriżi tal-COVID-19, u l-programmi ta’ rispons u rkupru stabbiliti mill-Unjoni Ewropea u mill-gvernijiet nazzjonali. Ir-rapport jivvaluta wkoll sa liema punt id-ditti Ewropej qed jindirizzaw il-ħtieġa li n-negozji tagħhom isiru aktar ekoloġiċi u diġitali.

EIBIS 2021 turi li b’mod ġenerali, inqas ditti Maltin investew matul l-2020. Il-prospetti tagħhom lejn l-investiment futur baqgħu negattivi, għalkemm ħafna inqas negattivi meta mqabbla mal-EIBIS 2020. Fir-rigward tat-tibdil fil-klima, kien hemm inqas probabbiltà li l-kumpaniji jħossu l-effetti tat-tibdil fil-klima jew li investew fl-effiċjenza tal-enerġija mill-medja tal-UE. Madankollu, id-ditti Maltin qed jibdew jinternalizzaw ir-riskji assoċjati mat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali tal-karbonju, b’madwar 85% minnhom diġà għamlu investiment biex jittrattaw it-tibdil fil-klima jew li qed jippjanaw li jagħmlu dan fit-tliet snin li ġejjin.

L-esperti tal-Bank Joanne Ciantar u Stefan Scerri, mid-Dipartiment tal-Istabbiltà Finanzjarja, is-Sorveljanza u r-Riċerka, ippreżentaw l-ewwel valutazzjoni ta’ kif inhu espost direttament is-settur finanzjarju Malti għal dawk is-setturi ekonomiċi li jistgħu jiġu affettwati mit-tranżizzjoni lejn ekonomija li tniġġes inqas. Skont din il-valutazzjoni, l-esponiment dirett tal-banek u tas-settur mhux bankarju għal setturi bħal dawn baqa’ kkonċentrat lejn setturi b’emissjonijiet baxxi u dan sa mill-inqas mill-2016. Dan jindika li l-impatt potenzjali mir-riskji ta’ tranżizzjoni relatati mal-klima huwa relattivament imrażżan.

Madankollu, l-operazzjonijiet fi ħdan tali setturi b’emissjonijiet baxxi ta’ CO2 jistgħu jwasslu għal attività f’setturi li jniġġsu aktar, u għalhekk wieħed ma jistax jeskludi l-effetti konsegwenzjali fuq dawn tal-aħħar jew l-effetti sekondarji. L-impatt fuq is-settur finanzjarju huwa mistenni li jkun ogħla jekk it-tranżizzjoni tkun aktar f’daqqa u għalhekk huwa essenzjali li s-settur finanzjarju jieħu passi bikrija biex jimmaniġġja r-riskji finanzjarji relatati mat-tibdil fil-klima u jinkorpora kunsiderazzjonijiet ambjentali fl-attivitajiet u l-prattiki tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom.

Id-Deputat Gvernatur tal-Bank, Alexander Demarco ppresieda diskussjoni tal-panel bit-tema “Getting Fit for 55 — ir-rwol tal-politika u l-finanzjament ekoloġiku. Il-membri fil-panel kienu jinkludu Antongiulio Marin, Kap tal-Implimentazzjoni tal-InvestEU, Kummissjoni Ewropea DĠ-ECFIN, Marisa Xuereb, President, tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija ta’ Malta, Marcel Cassar, President, Assoċjazzjoni tal-Bankiera ta’ Malta u Gilles Badot, Direttur tad-Dipartiment tal-Baħar Adrijatiku, Bank Ewropew tal-Investiment.

Id-Deputat Gvernatur tal-Bank, Alexander Demarco ppresieda diskussjoni tal-panel
Id-Deputat Gvernatur tal-Bank, Alexander Demarco ppresieda diskussjoni tal-panel
Parteċipanti fil-panel mix-xellug - Marcel Cassar, President, Assoċjazzjoni tal-Bankiera ta’ Malta, Gilles Badot, Direttur tad-Dipartiment tal-Baħar Adrijatiku, Bank Ewropew tal-Investiment, Marisa Xuereb, President tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija ta’ Malta, u Antongiulio Marin, Kap tal-Implimentazzjoni tal-InvestEU, Kummissjoni Ewropea DĠ-ECFIN.

Ritratti: Melvin Bugeja/DOI

Waqt li kien qed jikkummenta dwar il-konferenza, il-Gvernatur Scicluna qal kif fis-snin li ġejjin, l-awtoritajiet regolatorji ser jintroduċu l-inċentivi xierqa fir-regolamenti tas-servizzi finanzjarji sabiex il-fluss ta’ kreditu lejn l-ekonomija newtrali tal-karbonju tkun ta’ prijorità. Madankollu, jeħtieġ li jsir ħafna aktar kemm mill-istituzzjonijiet finanzjarji nfushom kif ukoll mill-korporazzjonijiet mhux finanzjarji.”

Il-filmat tal-konferenza jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju