News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

25/08/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Awwissu

L-Indiċi tal-Bank dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju għal Lulju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali jinsab mal-medja storika stmata minn Jannar 2000.

L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta niżel f'Lulju meta mqabbel max-xahar ta' qabel, iżda baqa' mal-medja storika tiegħu, hekk kif imkejla sa minn Novembru 2002. Meta mqabbel ma' Ġunju, is-sentiment iddeterjora fis-setturi kollha koperti mill-istħarriġ, ħlief fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li meta mqabblin ma' Ġunju, l-aspettattivi tal-prezzijiet naqsu fis-settur tas-servizzi u fost il-konsumaturi, iżda żdiedu fis-setturi l-oħra.

L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas meta mqabbel ma' Ġunju u jindika tnaqqis fl-inċertezza. Dan kien xprunat minn żviluppi fis-servizzi u l-industrija, hekk kif żdiedet l-inċertezza fost il-konsumaturi, u b'mod inqas, fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.

F'Ġunju, il-produzzjoni industrijali naqset f'termini annwali, għalkemm b'rata inqas mgħaġġla meta mqabbla ma' Mejju. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b'ritmu inqas mgħaġġel mix-xahar ta' qabel.

Ir-rata tal-qgħad naqset marġinalment għal 3.0%, meta mqabbla mar-rata ta' Mejju, u kienet ukoll taħt dik imkejla sena ilu. Ir-rata osservata f'Ġunju 2022 kienet, fil-fatt, l-aktar rata baxxa li qatt ġiet irreġistrata.

Il-permessi maħruġa għal bini residenzjali żdiedu f'Ġunju, meta mqabbla mal-livelli tas-sena l-oħra, filwaqt li naqsu l-permessi maħruġa għal bini kummerċjali. F'Lulju, kemm in-numru ta' konvenji u kif ukoll dak tal-kuntratti ta' bejgħ naqsu meta mqabbel ma' senu ilu.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet 6.8% f'Lulju, aktar minn 6.1% fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet ukoll għal 6.8% f'Lulju minn 6.2% xahar qabel.

F'Ġunju 2022, id-defiċit għall-Fond Konsolidat naqas sostanzjalment meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif id-dħul tal-gvern żdied filwaqt li n-nefqa naqset.

It-tkabbir fid-depożiti ta' residenti baqa' b'saħħtu f'Ġunju u żdied bir-rata annwali ta' 9.8%. Sadattant, it-tkabbir annwali fil-kreditu lir-residenti f'Malta żdied marġinalment għal 7.0%. Sal-aħħar tax-xahar, taħt l-Iskema ta' Garanzija relatata mal-COVID-19 tal-Bank Malti ta' Żvilupp (MDB), kien hemm 622 faċilità approvati u li għadhom pendenti. Dawn jikkorrispondu għal ammont totali ta' €482.6 miljun. Sa Ġunju ġew approvati tliet faċilitajiet ta' self permezz tal-Iskema ġdida ta' Self Issussidjat tal-MDB immirata lejn importaturi u bejjiegħa bl-ingrossa tal-qamħ u l-għalf tal-annimali, li jkopru self totali ssanzjonat ta' €15.6 miljun.

F'Ġunju, l-MDB nieda l-Iskema ta' Appoġġ Garantit ta' Likwidità (LSGS) biex tipprovdi appoġġ addizzjonali ta' likwidità b'reazzjoni għall-kriżi tal-Ukrajna. Din l-iskema tikkonsisti f'żewġ miżuri: LSGS-A tipprovdi appoġġ finanzjarju mill-banek lill-impriżi kollha affettwati mill-kriżi, filwaqt li LSGS-B hi speċifika għall-importaturi tal-fjuwil u ż-żejt. L-ebda faċilità ma ġiet approvata sa Ġunju.

L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju