News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

01/08/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiffirma Ftehim dwar Skambju ta’ Flus mal-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna

Il-persuni Ukreni li telqu minn pajjiżhom u li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja skont il-liġi nazzjonali, skont id-Direttiva 2001/55/KE u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382, għandhom ħtieġa urġenti li jikkonvertu l-flus biex ikopru l-ispejjeż essenzjali.

F’dawn l-aħħar xhur ġie osservat li dawn il-persuni qed jaslu f’Malta bil-karti tal-flus Ukreni iżda kienu qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet meta jiġu biex jikkonvertu flushom f’euro. Din is‑sitwazzjoni fl‑Ukrajna żammet lill‑istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu f’Malta milli jaċċettaw l-iskambju tal‑karti tal‑flus Ukreni. Barra minn hekk, il-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna ssospenda l-iskambju tal-karti tal-flus Ukreni fi flus barranin sabiex jipproteġi r-riżervi barranin limitati tal-Ukrajna.

Bis‑saħħa ta’ rakkomandazzjoni Ewropea, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta u l‑Bank Nazzjonali tal‑Ukrajna waslu għal ftehim dwar l-iskambju limitat tal‑karti tal‑flus Ukreni għal individwi li jibbenefikaw minn protezzjoni f’Malta. Permezz ta’ dan il‑ftehim, il‑Bank Ċentrali ta’ Malta qed ifittex li jipprovdi l‑faċilitajiet meħtieġa għat-tibdil tal-karti tal-flus u qed jikkumplimenta l‑assistenza umanitarja li Malta qed tipprovdi lill‑individwi li qed jaħarbu minn dawn l-ostilitajiet, bir‑riskji assoċjati ma’ dan is-servizz ikunu kompletament sottoskritti mill‑Gvern ta’ Malta.

Dan il‑ftehim dwar skambju ta’ flus ġie ffirmat mill‑Gvernatur tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, il‑Professur Edward Scicluna, u l‑Gvernatur tal‑Bank Nazzjonali tal‑Ukrajna, Kyrylo Shevchenko.

Il‑ftehim jidħol fis‑seħħ fl‑1 ta’ Awwissu 2022 u s‑servizz ta’ skambju ser ikun disponibbli biss mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta. Qed jiġi pprovdut ukoll fuljett b’informazzjoni dwar dan is-servizz ta’ skambju u ser ikun disponibbli għar-refuġjati Ukreni f’Malta. Il-fuljett hu disponibbli kemm bl-Ingliż kif ukoll bl-Ukren.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jiffirma Ftehim dwar Skambju ta’ Flus mal-Bank Nazzjonali tal-Ukrajna
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Professur Edward Scicluna, jiffirma l-ftehim
Mix-Xellug: Iċ-Chief Officer Banking Operations Jesmond Gatt,
id-Deputat Gvernatur Alexander Demarco u d-Deputat Gvernatur Oliver Bonello

 Ritratt: Melvin Bugeja

Lura lejn l-Arkivju