News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

24/06/2022

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ Ġunju

L-Indiċi tal-Bank Ċentrali ta' Malta rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju għal Mejju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali rritorna għall-medja storika.

L-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta baqa' l-istess f'Mejju meta mqabbel max-xahar ta' qabel. Madankollu kien f'livell ogħla mill-medja storika tiegħu.  Meta mqabbla ma' April, il-fiduċja tjiebet fis-settur tas-servizzi u fost il-bejjiegħa. Il-fiduċja tjiebet ukoll bi ftit fis-settur tal-kostruzzjoni. Dawn l-iżviluppi ġew parzjalment megħluba minn sentiment aktar dgħajjef fl-industrija u fost il-konsumaturi.

Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li meta mqabbel ma' April, proporzjon ikbar ta' azjendi fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut u tas-servizzi stennew żieda fil-prezzijiet fix-xhur li ġejjin. Madankollu, l-aspettattiva ta' prezzijiet ogħla naqset fis-setturi l-oħra.

L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta żdied meta mqabbel ma' April u indika żieda fl-inċertezza. Dan ir-riżultat kien primarjament xprunat minn żviluppi fis-servizzi u l-industrija u, f'livelli inqas, fost il-konsumaturi.

F'April, il-produzzjoni industrijali naqset f'termini annwali wara żieda żgħira f'Marzu. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b'ritmu aktar mgħaġġel mix-xahar ta' qabel.

Ir-rata tal-qgħad niżlet marġinalment minn dik irreġistrata fix-xahar ta' qabel u baqgħet taħt dik li kienet sena qabel.

F'Mejju, in-numru ta' konvenji naqas meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel, filwaqt li n-numru ta' kuntratti ta' bejgħ żdied bi ftit. Kemm il-permessi għal bini kummerċjali u kif ukoll dawk għal bini residenzjali żdiedu f'April meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 5.8% f'Mejju, ftit aktar minn 5.4% fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet ukoll għal 6.0% f'Mejju minn 5.7% xahar qabel.

F'April 2022, id-defiċit tal-Fond Konsolidat naqas meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif l-infiq naqas filwaqt li d-dħul żdied bi ftit.

It-tkabbir annwali fid-depożiti u l-kreditu tar-residenti baqa' b'saħħtu f'April fil-livelli ta' 8.8% u 7.8%, rispettivament. Sal-aħħar tax-xahar, taħt il-kappa tal-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, kien hemm 639 faċilità approvati u li għadhom pendenti. Dawn  jikkorrispondu għal ammont totali ta' €489.1 miljun.

L‑Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.

Lura lejn l-Arkivju