News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
29/04/2022 10:00:00
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku ta’ April
L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju jindika li t-tkabbir annwali fl-attività kummerċjali jibqa' ogħla mill-medja storika, għalkemm qiegħed jinnormalizza mix-xhur ta' qabel.
Bl-istess mod, l-Istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja juri li s-sentiment ekonomiku f'Malta kien ferm ogħla minn ta' sena ilu u ferm ogħla wkoll mill-medja storika, għalkemm naqas f'Marzu meta mqabbel ma' xahar qabel. Meta mqabbla ma' Frar, il-fiduċja naqset fl-industrija u fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-bejgħ bl-imnut, filwaqt li kien hemm titjib fis-sentiment fis-settur tas-servizzi u fost il-konsumaturi.
Informazzjoni addizzjonali mill-istħarriġ turi li proporzjon akbar ta' konsumaturi u azjendi fl-industrija u fis-settur tas-servizzi stennew li l-prezzijiet ser jiżdiedu fix-xhur li ġejjin. Il-proporzjon tal-bejjiegħa li jantiċipaw żidiet fil-prezzijiet naqas bi ftit mix-xahar ta' qabel għalkemm baqa' għoli. Għall-kuntrarju, l-aspettattivi tal-prezzijiet fil-kostruzzjoni saru negattivi.
L-Indikatur ta' Inċertezza tal-Kummissjoni Ewropea għal Malta naqas meta mqabbel ma' Frar u jindika tnaqqis fl-inċertezza. Dan it-tnaqqis fl-inċertezza kien xprunat l-aktar minn żviluppi fis-settur tas-servizzi.
Fi Frar, il-produzzjoni industrijali naqset f'termini annwali, għalkemm b'rata annwali inqas mgħaġġla meta mqabbla ma' Jannar. Sadattant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b'ritmu inqas mgħaġġel minn xahar qabel.
Ir-rata tal-qgħad ma nbidlitx mix-xahar ta' qabel u baqgħet ferm taħt dik irreġistrata qabel il-pandemija.
F'Marzu, l-għadd ta' kuntratti ta' bejgħ u konvenji għal proprjetà residenzjali naqas meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel. Fi Frar, kien hemm tnaqqis fil-permessi maħruġa għal bini kummerċjali meta mqabbla mal-livelli ta' sena ilu, filwaqt li żdiedu sew il-permessi maħruġa għal bini residenzjali.
Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta' 4.5% f'Marzu, żieda minn 4.2% fix-xahar ta' qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) telgħet għal 4.4% f'Marzu, żieda minn 4.2% xahar qabel.
Id-defiċit tal-Fond Konsolidat fi Frar 2022 żdied meta mqabbel ma' sena qabel, hekk kif żieda fl-ispejjeż għelbet dħul ogħla mit-taxxa.
It-tkabbir annwali fid-depożiti u l-kreditu tar-residenti baqa' b'saħħtu fi Frar, fil-livelli ta' 8.4% u 8.2%, rispettivament. Sal-aħħar tax-xahar, 648 faċilità kienu ngħataw f'termini tal-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, li jikkorrispondu għal ammont totali sanzjonat ta' €497.8 miljun, jew 64.0% tal-mira tal-iskema.
L-Aġġornament Ekonomiku sħiħ jinsab hawn.
Lura lejn l-Arkivju