News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022
28/04/2022 15:35:00
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta f'Washington għal-laqgħat tal-FMI/Bank Dinji
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Edward Scicluna attenda l-Laqgħat tar-Rebbiegħa tal-2022 tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u tal-Grupp tal-Bank Dinji (WBG) f'Washington D.C. li saru bejn l-20 u t-23 ta’ April 2022. Hu kien akkumpanjat mid-Deputat Gvernatur tal-Bank Alexander Demarco.

Dawn il-laqgħat annwali jservu bħala pjattaforma għall-ministri għall-finanzi u l-iżvilupp, għall-gvernaturi tal-banek ċentrali, għad-diriġenti tas-settur privat, u għall-akkademiċi biex jiddiskutu materji ta’ tħassib globali inklużi l-prospetti ekonomiċi dinjija, ix-xenarju estern, u l-isfidi tal-iżvilupp.
Il-Gvernatur Scicluna attenda l-laqgħat uffiċjali tal-Kumitat tal-FMI (IMFC) fejn il-prospetti ekonomiċi, fiskali u finanzjarji globali u kif ukoll l-isfidi għas-snin li ġew diskussi fost il-gvernaturi tal-FMI minn madwar id-dinja.

Fil-marġini tal-laqgħat tar-Rebbiegħa tal-FMI, il-Professur Scicluna u Mr Demarco kellhom laqgħat u taħditiet ma' uffiċjali għolja taż-żewġ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin, inkluż id-Direttur Eżekuttiv tal-FMI, Domenico Fanizza, id-Direttur Eżekuttiv tal-Bank Dinji Matteo Bugamelli, id-Direttur tal-Pajjiż tal-Bank Dinji, Jesko Hentschel u d-Deputat Direttur fid-Dipartiment Ewropew, Mr Mahmood Padhan.
Saru wkoll laqgħat mal-EUR Article IV Mission tal-FMI, ippresedut minn Mr Kotaro Ishi, il-World Bank Mission li taħdem fuq proġetti relatati ma’ Malta, u mal-ogħla uffiċjali minn aġenziji ta’ klassifikazzjoni ewlenin, Moody’s u Standard and Poor’s.

Id-Deputat Gvernatur u l-Gvernatur flimkien mad-Direttur Eżekuttiv Domenico Fanizza u l-Konsulenta Annalisa Korinthios
Lura lejn l-Arkivju