News

News - Stqarrijiet tal-Aħbarijiet 2022

21/03/2022

Għoxrin Sena tal-Karti tal-Flus u l-Muniti tal-Euro

Fis-17 ta’ Marzu 2022, il-Bank Ċentrali ta’ Malta (il-Bank) organizza webinar bit-titlu “20 Years of Euro Banknotes and Coins”. Dan il-webinar ġie organizzat bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Bank f’għeluq l-għoxrin anniversarju mill-ħruġ fiċ-ċirkolazzjoni tal-karti u l-muniti tal-euro.

Il-ftuħ tal-webinar sar mill-Gvernatur tal-Bank, il-Professur Edward Scicluna. Huwa enfasizza l-importanza tal-euro fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea. Semma wkoll il-passi li jridu jiġu indirizzati sabiex l-unjoni monetarja tkun kompleta. Il-Professur Scicluna kkunsidra li l-isfidi futuri għall-Eurosistema jinkludu t-tibdil fil-klima u l-proġett tal-euro diġitali.

Il-Professur Edward Scicluna, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta
Il-Professur Edward Scicluna, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta

L-ewwel preżentazzjoni tal-webinar saret minn Ms Elaine Lenzo, Senior Officer fl-uffiċċju tal-Currency Operations tal-Bank fis-sezzjoni tar-Riċerka u l-Edukazzjoni. Fil-preżentazzjoni tagħha bit-titlu “Advantages of euro cash and what lies ahead for the single currency”, Ms Lenzo spjegat il-kronoloġija tal-munita Ewropea u eżaminat il-vantaġġi tagħha. Spjegat fid-dettall ukoll l-istrateġija u ċ-ċiklu tal-flus tal-euro. Fl-aħħar nett, analizzat il-futur tal-munita komuni – l-euro diġitali. Spjegat li d-deċiżjoni dwar jekk għandux jiġi żviluppat euro diġitali tittieħed abbażi tar-riżultat tal-fażi ta’ investigazzjoni li l-Eurosistema bħalissa qiegħda twettaq.

Ms Elaine Lenzo, Senior Officer fl-uffiċċju tal-Currency Operations tal-Bank fis-sezzjoni tar-Riċerka u l-Edukazzjoni
Ms Elaine Lenzo, Senior Officer fl-uffiċċju tal-Currency Operations tal-Bank fis-sezzjoni tar-Riċerka u l-Edukazzjoni

Preżentazzjoni intitolata “The international role of the euro” ingħatat minn Mr Gilles Noblet, Konsulent Prinċipali fid-Direttorat Ġenerali għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u Ewropej tal-Bank Ċentrali Ewropew. Mr Noblet qal li l-euro evolva għal munita internazzjonali u jibqa’ t-tieni l-aktar munita importanti globalment. Innota li r-reazzjonijiet ta’ politika tal-Unjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) appoġġjaw l-irwol internazzjonali tal-euro. Barra minn hekk, qal li Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) iktar profonda u iktar kompleta ser tkompli ssaħħaħ l-irwol internazzjonali tal-euro.

Saret ukoll preżentazzjoni intitolata “Monetary policy in the euro area 1999-2021” minn Mr John Caruana, il-Kap tal-Monetary Policy, Eurosystem & International Relations Department tal-Bank. Eżamina l-avvenimenti li wasslu għall-politika monetarja sa mill-bidu tagħha, inkluża l-kriżi finanzjarja li wasslet lill-BĊE biex juża indikazzjonijiet għall-ġejjieni, xiri ta’ assi, operazzjonijiet ta’ finanzjament fuq żmien twil u għodod oħra biex jiġu kkomplimentati r-rati tal-imgħax. 

Mr John Caruana, il-Kap tal-Monetary Policy, Eurosystem & International Relations Department tal-Bank
Mr John Caruana, il-Kap tal-Monetary Policy, Eurosystem & International Relations Department tal-Bank

Ritratti: Periklis Chatzigiannis

Fl-aħħar tal-webinar, dawk li attendew kellhom l-opportunità li jistaqsu xi mistoqsijiet lill-kelliema.

Lura lejn l-Arkivju